Futbol Sport

FA Trophy: Hibernians u Sirens jagħmluha mal-aħħar sittax

(Ritratt: Joseph Galea)

HIBERNIANS………………….3

ŻURRIEQ……………………….1

Hibernians: J. Haber, F. Apap, L. Bravo (K. Shaw 70’), T. Aldama (E. Herrera 88’), J. Degabriele, B. Kristensen (A. Diakite 70’), D. Vella, G. Mensah, J. Zerafa (G. Artilles 70’), A. Agius, Y. Muritla (J. Morillas 78’)

Żurrieq:  D. Zarb, I. Bojovic, J. Busuttil (B. Sammut 75’), A. Azzopardi (M. Bonnici 75’), I. Misan, M. Busuttil, A. Caruana, X. Portelli, J. Vitor, J. Vella (L. Bugeja 86’), S. Darmanin (K. Darmanin 64’)

Skorjaw: G. Mensah 29’ B. Kristensen 38’, Y. Muritala 55’ (H), J. Vitor 44’ (Ż)

Referee: Andrea Schriha

Hibernians kif kien mistenni sar l-ewwel tim li għamilha għar-rawnd li jmiss tal-FA Trophy meta fic-Centenary Stadium eliminaw lit-tim taċ-Challenge League Żurrieq b’rebħa ta’ 3-1. Minkejja d-differenza fil-kwalità, kif ukoll fin-numru ta’ plejers barranin disponnibli, iż-Żrieraq taw dak kollu li setgħu biex iżommu l-iskor rispettabli, tant li wara li kienu 2-0 minn taħt irnexxielhom jiskorjaw fit qabel il-mistrieħ. Madankollu Muritala skorja t-tielet gowl għal Hibernians fil-55 minuta bil-Pawlisti jirnexxielhom iżommu r-riżultat ta’ 3-1 sa tmiem il-konfront.

Hibernians fetħu l-iskor fid-29 minuta permezz ta’ Gabriel Mensah wara pass mil-lemin ta’ Jurgen Degabriele biex il-captain Bjorn Kristensen irdoppja fit-38 minuta. Kien korner mogħti minn Degabriele li wasal għand Llerena, bl-Ispanjol iniżżel bir-ras lejn Kristensen li tefa’ ġewwa f’lasta vojta.

Fit-42 minuta Żurrieq ħasdu lil Pawlisti u daħlu lura fil-logħba meta Igor Misan prova xutt, b’Haber jilqa’ parzjalment iżda l-ballun ġie għand Joao Vitor li tefa’ ġewwa, biex l-ewwel taqsima ntemmet 2-1 favur Hibernians.

It-tielet gowl, u dak li ssiġilla r-rebħa Pawlista wasal fil-55 minuta meta minn kross ta’ Degabriele kien Yunusa Muritala li bir-ras għeleb lil Zarb għal skor finali ta’ 3-1.

Intant fil-logħba l-oħra Sirens sabuha diffiċli kontra Mqabba, u kien biss gowl fis-87 minuta mis-sostitut Kei Sano li evita li l-logħba tidħol fil-ħin barrani biex ta rebħa ta’ 1-0 lit-tim ta’ Winston Muscat.