Knisja Lokali

Ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Kurja tal-Arċisqof

Il-Kurja tal-Arċisqof u l-Union Ħaddiema Magħqudin innegozjaw u kkonkludew ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-Kurja u t-Tribunal Ekkleżjastiku li jkopri s-snin 2023-2025.

Dan il-ftehim ġie ffirmat nhar it-12 ta’ Jannar mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Michael Pace Ross u l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers, Josef Vella. Dan il-ftehim jirrikonoxxi l-kompetenza, l-esperjenza u fuq kollox il-lealtà tal-impjegati eżistenti, filwaqt li għandu l-iskop li jattira talent ġdid.

Michael Pace Ross qal li wieħed irid jara dan il-ftehim kollettiv fid-dawl ta’ riforma li trid issir fil-Kurja Arċiveskovili fis-snin li ġejjin, biex tkun dejjem iżjed ta’ servizz lejn il-batut, l-emarġinat u min hu l-aktar fil-bżonn, fi spirtu ta’ sinodalità tant mixtieqa mill-Papa Franġisku.

Is-Sur Vella laqa’ dan il-ftehim b’sodisfazzjon u fisser kif il-Kurja ħadet il-pass li ġġedded il-ftehim kollettiv sena qabel iż-żmien fl-isfond taċ-ċirkostanzi straordinarji ta’ għoli tal-ħajja bla preċedent. B’hekk 120 ħaddiem bdew igawdu minn kundizzjonijiet aħjar minn sena qabel bl-iskop li jittaffa l-impatt ikkawżat mill-għoli fil-prezzijiet.

Preżenti għall-ftehim kien hemm ukoll ir-rappreżentanti tal-ħaddiema Benjamin Flores-Martin, Noel Abdilla u Lisa Pace.