Internazzjonali

Iċ-Ċina: Mad-900 miljun infettati bil-Covid skont l-aħħar studju

Madwar 900 miljuni fiċ-Ċina spiċċaw infettati bil-Covid-19 skont studju li sar mill-Università ta’ Peking u li r-riżultati kienu konfermati aktar kmieni fil-ġimgħa.

Ir-rapport jikkalkula li mal-64 fil-mija fost il-popolazzjoni Ċiniża qabdithom il-virus – bil-provinċja ta’ Gansu tirreġistra l-aktar każi, fost il-konferma ta’ 91 fil-mija tal-infettati. Wara Gansu hemm il-provinċji ta’ Yunnan u Qinghai, b’84 u 80 fil-mija tar-residenti li laqqtu dan il-virus.

Intant, l-epidemjoloġisti Ċiniżi wissew li l-każi tal-Covid għandhom jisplodu qalb iz-zoni rurali taċ-Ċina waqt li l-pajjiż ikun qed jiċċelebra s-Sena l-Ġdida Lunari – jew il-Festival tar-Rebbiegħa, kif inhi magħrufa mal-Asjatiċi.

L-eqqel ta’ din il-mewġa tal-Covid fiċ-Ċina mistennija ddum bejn xahrejn u tliet xhur u meta bħalissa, mijiet tal-miljuni taċ-Ċiniżi qegħdin jivvjaġġaw lejn djarhom – ħafna minnhom għall-ewwel darba mill-bidu tal-pandemija – biex iqattgħu s-Sena l-Ġdida Lunari ma’ familthom.

Iċ-Ċina issa waqfet milli tipprovdi l-istatistika għall-Covid mindu abbandunat il-politika riġida – u falluta — li suppost kellha taċċerta zero każi tal-infezzjoni.