Internazzjonali

Il-Brażil: Jirrispettaw id-dritt għall-protesti paċifiċi

It-tensjoni fi Brasilia għadha tinħass fost is-sigurtà kbira li qed jimplimentaw l-awtoritajiet, jiem wara li s-sostenituri tal-eks President tal-lemin, Jair Bolsonaro, assedjaw is-sede tal-Gvern fil-kapitali Brażiljana. Minkejja kollox, l-uffiċjali qrib il-Gvern qalu li jirrispettaw xorta d-dritt ta’ protesta – dment li tinżamm il-kalma u dment li l-vjolenza tal-aħħar jiem ma tirrepetix ruħha.

L-aħħar dimostrazzjonijiet vjolenti fi Brasilia saru wara li s-sostenituri ta’ Bolsonaro inġabru biex jesprimu rabja dwar l-allegat ħtif tal-Gvern mill-President ġdid tal-Brażil Inacio Lula da Silva – il-kandidat li kien għeleb lill-eks President fl-elezzjoni presidenzjali tas-sena l-oħra.

Filwaqt li seħħew il-mijiet tal-arresti, il-mewġa ta’ rabja, bħalissa, mhix daqstant evidenti fi Brasilia u bliet oħrajn tal-Brażil. Fl-istess ħin il-partitarji ta’ Bolsonaro qed jespekulaw li l-Gvern qed jippermetti r-rallies paċifiċi bħala ‘parti minn kumplott’ biex jarresta lill-avversarji politiċi.

Is-sostenituri ta’ Bolsonaro, fl-istess ħin, qed jużaw il-media soċjali biex iwasslu l-messaġġi li jixprunaw l-inċertezza. Dan fost sejħiet biex ‘id-dimostranti jingħaqdu mill-ġdid fi Brasilia biex jieħdu lura l-poter’ bl-awtoritajiet fil-kapitali qed jorganizzaw ‘intervent ta’ sigurtà rari’ fejn il-qawwiet militari qegħdin imexxu d-doveri tal-pulizija fiċ-ċentru tal-kapitali.

Anki f’każ li ma jsirux aktar dimostrazzjonijiet fuq skala kbira kontra l-President elett, ħafna Brażiljani huma xokkjati dwar l-aħħar irvellijiet fi Brasilia u jistennew xorta li jsiru aktar ‘protesti jaħarqu’ fil-futur. Min-naħa tagħhom, il-partitarji ta’ Bolsonaro qed jinsistu li l-irvellijiet tat-8 ta’ Jannar seħħew minn ‘aġenti li riedu jqajjmu l-inkwiet u jwaħħlu kollox fil-politiċi tal-lemin’.