Festi Lokali

Il-Festa Filippina ta’ Santo Niño, f’Wied il-Għajn

Nhar il-Ħadd 15 ta’ Jannar, il-parroċċa ta’ Sant’Anna ta’ Wied il-Għajn, se torganizza għal darba oħra il-festa ta’ Santo Niño, festa li tiċċelebra it-tfajjel Ġesù, popolari ferm fit-tradizzjoni Filippina.

Il-festa għandha għeruq twal anke fl-Ewropa u tiċċelebra l-ewwel snin tal-ħajja ta’ Ġesù. Il-parroċċa ta’ Sant’Anna ta’ Wied il-Għajn qed tistieden lill-komunità Nisranija sabiex taqsam din l-esperjenza waqt li tingħaqad mal-komunità Filippina biex tieħu sehem fil-programm ta’ attivitajiet li hemm imħejjija.

Fl-10:30 ta’ filgħodu se ssir purċissjoni qasira bl-istatwa ta’ Santo Niño, u wara ssir quddiesa bl-Ingliż fil-Knisja. Din tkun segwita minn programm ta’ żfin kif ukoll ikel tradizzjonali mill-Filippini.

Waqt l-attività, dawk preżenti se jkunu jistgħu jitgħallmu ukoll dwar il-ħidma li twettaq Missio Malta fil-Filippini. Filfatt Missio Malta se tkun qed ittella’ grupp ta’ Missjunarji lejn il-Filippini fil-bidu ta’ Frar sabiex iwettqu ħidma favur l-Eko-agrikoltura kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ dar missjunarja li ġġarfet kompletament mill-vulkan Tagaytay fl-2021.