Lokali

Il-MAPE tikkundanna l-kummenti li saru fil-konfront ta’ Mark Anthony Sammut

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Inġiniera (MAPE) li hija l-union nazzjonali tal-Inġiniera, tikkundanna l-kummenti li saru fil-konfront tad-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut mid-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis waqt seduta Parlamentari.

L-istqarrija tgħid li huwa ironiku li waqt dibattitu li matulu qed tkun diskussa l-ħatra ta’ Kummissarju tal-Istandards, Zammit Lewis qal li Mark Anthony Sammut li huwa Inġinier, għandu jibqa’ jagħmel xgħolu bħala Inġinier biss. Kumment li implika li fil-Parlament Malti m’hemmx post għall-Inġiniera.

Il-MAPE kkundannat dan id-diskors iktar u iktar meta kien ġej mill-eks Ministru tal-Ġustizzja u meta sar waqt seduta Parlamentari.

Il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Inġiniera Arthur Ciantar qal li l-professjoni tal-Inġiniera hija professjoni li tagħti kontribut kbir fis-soċjetà Maltija partikolarment fl-iżvilupp tal-infrastruttura. Huwa appella lid-Deputat Laburista jingħata iktar tagħrif dwar il-professjoni tal-Inġiniera.