Il-Ġimgħa ġiet formalment fi tmiemha l-ewwel fażi tal-proġett estensiv li qed isir fil-kumpless Sportiv tal-Kulleġġ San Alwiġi b’riżultat ta’ ftehim iffirmat fl-2021 bejn il-Kulleġġ u Vassallo Group.
L-ewwel fażi tal-proġett kienet tikkonsisti fir-rinovament totali tal-Padiljun Sportiv li oriġinarjament kien inbena 25 sena ilu. Din il-fażi kienet tinkludi wkoll it-twaqqiegħ u l-bini mill-ġdid tal-ispectators stand u il-bini ta’ faċilitajiet sanitarji, showers u changing rooms ġodda. F’din il-fażi nbnew ukoll faċilitajiet ġodda għall-għalliema tal-edukazzjoni fiżika u l-istudenti tal-Kulleġġ San Alwiġi kif ukoll faċilitajiet ġodda għat-tagħlim taż-żfin wara l-ħin tal-iskola.
Waqt ċerimonja qasira li saret fil-Padiljun, li għaliha attendew bosta studenti u għalliema tal-Kulleġġ San Alwiġi kif ukoll mistiedna oħra kemm mill-istess Kulleġġ u mill-Vassallo Group, saru diskorsi mir-Rettur Fr Jimmy Bartolo kif ukoll mill-Kap Eżekuttiv ta’ Vassallo Group, Pio Vassallo.

Fr Bartolo semma kif minn dan il-proġett ambizzjuż se jkunu qed igawdu l-istudenti tal-Kulleġġ San Alwiġi, l-istudenti li eventalwent se jkunu qed jattendu fil-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport, il-komunita’ u s-soċjeta’ ġenerali. Huwa tkellem dwar l-importanza tal-isport fil-ħajja tal-bniedem partikolarment dik tat-tfal u ż-żgħażagħ.
Pio Vassallo tkellem dwar il-faċilitajiet ġodda li se jinħolqu, huwa qal li l-viżjoni tiegħu għal dan il-proġett hija li jattira lejh lill-isportivi Maltin kif ukoll timijiet barranin. Il-faċilijiet ġodda ser jinkludu ċentru għax-xjenza sportiva, pixxina u anke l-akkomodazzjoni għal aktar minn 60 persuna.
Fil-fażi li jmiss tal-proġett se jitlestew canteen u fitness centre ġodda. Dawn il-faċilitajiet ġodda mistenni jibdew jintużaw mit-tieni kwart tas-sena. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini tal-Kulleġġ Mediterranju tal-Isport, kulleġġ indipendenti tal-isport għal madwar 390 student Maltin u internazzjonali, kumpless ta’ akkommodazzjoni on campus, sala għall-ġinnastika, ċentru għax-xjenza u r-riċerka sportiva, pixxina ta’ 25 metru kif ukoll ċentru għall-kura tat-tfal.
//= $special ?>