Il-Ministru tad-Difiża tal-Ukrajna qal li pajjiżu, illum, għandu jitqies daqslikieku membru tal-Alleanza tan-NATO – bil-kumment jurta sew lit-Tmexxija tar-Russja li qed tmexxi fażi ġdida tal-gwerra fl-artijiet Ukreni.
Madankollu, il-pajjiżi tal-Punent — li sa ftit ilu kienu jinkwetaw li l-għajnuna militari lill-Ukrajna setgħet titqies bħala ‘eskalazzjoni ta’ ostilità’ min-naħa tar-Russja — jidhru li qed jibdlu l-ħsieb dwar l-isħubija eventwali tal-Ukreni fl-Alleanza.
Intant, il-Ministru Ukren , Oleksii Reznikov, waqt intervista lill-BBC, qal li jinsab ċert li l-Ukrajna, ‘il quddiem, għandha tirċievi l-armamenti li qed titlob ‘mingħand in-NATO’ biex tirreżisti aħjar lill-qawwiet Russi li qegħdin jippreparaw offensiva kbira oħra għar-Rebbiegħa.
Mifhum li l-Ukreni wkoll qegħdin jaħsbu f’kontro-offensiva, b’Reznikov itenni li l-Ukrajna, illum, saret membru de facto tan-NATO anki jekk mhux b‘mod legali,. Hu kompla li l-Ukrajna għandha l-armamenti adatti biex tiddefendi ruħha fil-konflitt u li l-qawwiet tagħha qegħdin jużawhom bl-aktar mod effettiv.
Il-President Russu Vladimir Putin għadu sallum jipprova jippreżenta l-invażjoni tal-Ukrajna bħala ‘battalja eżistenzjali’ kontra l-pajjiżi tal-Punent li, fi kliemu, qegħdin jaħdmu biex jaraw lir-Russja aktar dgħajfa. Il-Kremlin ta’ Moska qal li qiegħed jikkumbatti ‘kontra n-NATO’ fl-Ukrajna, peress li l-pajjiżi tal-Punent ipprovdew lill-Ukreni bl-armi – u b’Moska tirreferi għas-sitwazzjoni bħala ‘parti minn gwerra ta’ aggressjoni mill-Istati konċernati’.
Hu minnu li l-Ukrajna ilha s-snin tipprova tissieħeb fl-Alleanza militari li tinvolvi lill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, il-Kanada u 27 pajjiżi Ewropej – bil-President Putin ifisser il-politika ta’ Kiev bħala theddida ta’ sigurtà għar-Russja.
//= $special ?>

