Internazzjonali

L-Ukrajna: Żblokk importanti fil-ġlieda għal Soledar?

Ir-Russja fl-aħħar sigħat, qalet li ħadet il-kontroll ta’ minjiera fil-belt ta’ Soledar, fejn il-ġlied bejn it-truppi tal-Kremlin u d-difensuri Ukreni ilu għaddej ix-xhur. Kelliema f’Moska qalu li dan għandu jitqies bħala żblokk importanti fl-offensiva tal-Armata Russa waqt li jinsabu ottimisti li l-militar ta’ Putin, issa, se jkun jista’ jagħlaq ir-rotot minfejn jitwasslu l-provvisti lis-suldati Ukreni li qegħdin jiddefendu lill-belt ta’ Bakhmut, fil-viċin.

Mill-banda l-oħra, l-uffiċjali fl-Ukrajna qalu li l-ġlieda għal Soledar kienet għadha għaddejja waqt li akkużaw lir-Russja b’li qed toħroġ l-informazzjoni qarrieqa.

Il-battalji madwar Soledar kienu fost l-aktar imdemmija ta’ din il-gwerra u meta fil-belt fadal il-mijiet ta’ ċivili u tfal li ma jistgħux  ikunu trasferiti lejn zoni ta’ anqas periklu.

Filwaqt li xi analisti għandhom id-dubji dwar il-veru sinifikat ta’ Soledar, il-ħtif tal-belt għandu jkun ippreżentat bħala ‘trijonf ’ għal Moska wara xhur ta’ fallimenti militari f’din il-gwerra.

Fl-istess ħin, l-Istitut Amerikan għall-Istudju tal-Gwerra qal li filwaqt li hemm il-probabbiltà li l-qawwiet Russi ħatfu tassew il-kontroll f’Soledar, dan ma jfissirx li t-truppi ta’ Putin spiċċaw f’pożizzjoni aħjar biex jiċċirkondaw lid-difensuri Ukreni f’Bakhmut.