Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), id-dejn ta’ pajjiżna sal-aħħar ta’ Settembru kien ta’ €8.8 biljun. Dan ifisser żieda ta’ €762 miljun fuq l-istess perjodu s-sena ta’ qabel.
Fi stqarrija l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti biex il-Gvern iwaqqaf il-ħela u t-tberbiq lil tal-qalbha, kif ukoll l-iffangar mill-ftit tal-klikka. Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li l-Gvern għandu jelimina t-taxxa tal-korruzzjoni u jara li l-finanzi pubbliċi jibqgħu sostenibbli kif ukoll f’pożizzjoni ta’ servizz fit-tul.
Il-Partit Nazzjonalista jinsisti wkoll li l-infiq diskrezzjonali jkun ikkontrollat u għalhekk, ikun evitat infiq żejjed u mhux bżonnjuż. Il-Gvern qed jinjora għal kollox deċiżjonijiet bħal dawn.
Dan id-dejn kollu hu mażżra ma’ uliedna u ulied uliedna. Ħasra li l-flus tal-poplu qed jibqgħu jitberbqu bl-addoċċ.
//= $special ?>