Il-Partit Nazzjonista se jissokta l-ħidma li għaddejja min-naħa tiegħu sabiex il-ħajja tkun protetta mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha – kemm il-ħajja tal-omm kif ukoll dik tat-tarbija fil-ġuf.
Hekk tenna l-Kap tal-PN Bernard Grech tul il-programm NET LIVE waqt li kien intervista minn Robert Cremona fejn għamel din l-istqarrija b’referenza wkoll għal-laqgħa pubblika bit-tema, “Iva, Favur il-Ħajja” li se ssir il-Ħadd li ġej fl-10am fil-lukanda Excelsior fil-Floriana.
“Għalhekk inti hu x’inhu t-twemmin politiku tiegħek, nhar il-Ħadd għandek opportunità li tiġi tisma’, titgħallem, kif se nkun qed nitgħallem jien, u wkoll turi li int ma tridx li l-abort jidħol l-abort f’pajjiżna, li int favur il-ħajja, li trid tissielet favur il-ħajja f’Malta”
Bernard Grech qal li fil-verità l-Gvern għandu problema, għax fi ħdanu wkoll hemm nies li ma jridux li tgħaddi din il-liġi favur l-abort.
“Din mhux kwistjoni politika, imma għandna obbligu li nitkellmu dwarha, huwa dmir tagħna li nitkellmu dwarha, għax aħna rridu nħarsu lil omm u lil dawk bla vuċi, lit-trabi fil-ġuf”
Il-Kap tal-PN tkellem ukoll dwar kif Robert Abela jrid jaħtaf taħt idejh l-istituzzjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Bernard Grech qal li Robert Abela jinteressah biss li jdgħajjef l-istituzzjonijiet.
“Għalhekk se nkomplu nuru li l-liġi li jrid idaħħal Robert Abela hija waħda kontra d-demokrazija”
Dwar il-mediċini out-of-stock Bernard Grech qal li l-Gvern għandu jantiċipa u jaġixxi minn qabel biex ma jkunx hawn mediċini nieqsa. Huwa qal li l-Gvern irid jassigura li l-poplu ma jbatix min-nuqqasijiet ta’ mediċini li jeffettwaw il-ħajja tal-poplu u lanqas il-but tal-pazjenti
“Hija realtà li n-nies qed iħossuha li s-sistema tas-saħħa f’pajjiżna m’għadhiex bħal ma kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista, il-Gvern Laburista mhux jinvesti fiha, minflok qed jagħti flus lill-barranin, ta l-isptarijiet lilhom, u investiment m’hemmx, issa n-nies qed ibatu aktar, għax hawn il-mediċini out-of-stock”
Bernard Grech qal li qed naraw realtà fejn il-Gvern qed jberbaq il-flus fil-persuni ta’ fiduċja minflok jinvesti f’pajjiżna u għalhekk jeħtieġ Oppożizzjoni b’saħħitha li tkun Gvern alternattiv fejn jitwaqqaf ukoll dan l-abbuż kontinwu minn fuq dahar il-poplu.
“Għalhekk irridu nkunu Oppożizzjoni aktar b’saħħitha, għalhekk trid titkellem, għalhekk ma nistgħux nibqgħu moħbija, għalhekk irridu nkunu lkoll Oppożizzjoni ta’ fejda ħalli nkunu lkoll Gvern alternattiv denju għal Malta tagħna”
//= $special ?>