Futbol Internazzjonali

Premier League Ingliż: Aston Villa iżidu l-inkwiet għal Leeds United

Aston Villa pattew xi ftit għar-riżultat deludenti fl-FA Cup li sofrew mat-tim ta’ League Two, Stevenage, b’rebħa, 2-1, fuq Leeds United f’Villa Park.

Ir-riżultat, sadanittant, kompla jżid l-inkwiet għall-Yorkshiremen ta’ Jesse Marsch li jinsabu fi ġlieda ddisprata biex iżommu posthom mal-kbar u bin-nuqqas ta’ kwalità mill-ġdid jidher evidenti fid-diversi dipartimenti tat-tim.

Il-Villains ma setgħux kellhom bidu aħjar meta, wara biss erba’ minuti, il-winger Ġamajkan Leon Bailey ikkonkluda għall-1-0 fuq il-kontra-attakk mibdi minn Boubacar Kamara.

Leeds imbagħad kellhom żewġ għajtiet għal penalty miċħudin mir-referi u b’gowl ta’ Rodrigo wkoll jispiċċa mħassar għal offside.

Fit-tieni taqsima, Villa irduppjaw meta l-gowlkiper ta’ Leeds Meslier laqa’ x-xutt ta’ Bailey u b’Emiliano Buendia jsib ix-xibka bir-ras (65) – bil-gowl ikun ikkonvalidat mill-VAR. Għaxar minuti mit-tmiem, Leeds naqqsu l-vantaġġ minn Patrick Bamford li kien qed jirritorna fit-tim wara assenza twila u li kkonkluda l-assist ta’ Wilfried Gnonto.