Il-programm tal-Premier League għal tmiem il-ġimgħa ikompli s-Sibt, kmieni wara nofsinar, bid-derby ta’ Manchester ferm mistenni fejn Man Utd, li għaddejjin minn forma formidabbli, se jospitaw liċ-Champions Ingliżi Man City f’Old Trafford.
Iż-żewġ tims kellhom xorti differenti fl-aħħar impenji tal-Carabao Cup, b’United jegħlbu lil Charlton Athletic ta’ League One bl-iskor ta’ 3-0 waqt li s-Citizens taw waħda mill-agħar wirjiet tal-istaġun fejn spiċċaw eliminati, 2-0, minn Southampton fil-kwarti-finali ta’ din il-kompetizzjoni.
Madankollu, il-forma ma tantx tipprovdi element prevedibbli għal derbies ta’ din ix-xorta, għalkemm United se jkunu għatxana li jpattuha lir-rivali tal-belt għall-umiljazzjoni, 3-6, li huma kienu sofrew (fil-league) aktar kmieni fl-istaġun fl-Etihad Stadium.
Fl-istess ħin, United qegħdin jikkompetu fuq erba’ fronti fejn minbarra li għandhom ċans tajjeb biex jikkonsolidaw posthom mat-Top Four tal-Premier League huma għadhom ukoll impenjati wkoll fl-FA Cup u fl-Europa League. Dan meta huma anki l-favoriti netti li jeliminaw lil Nottingham Forest fis-semi-finali tal-Carabao Cup.
Intant, Bruno Fernandes se jirritorna fit-tim ta’ United wara li serva sospensjoni, iżda r-Red Devils x’aktarx se jkunu mingħajr Diogo Dalot li weġġa fil-logħba tat-Tlieta kontra Charlton.
Min-naħa tagħhom, Manchester City qegħdin ibatu biex jiskurjaw barra minn darhom fejn sabu x-xibka ħames darbiet biss fl-aħħar seba’ konfronti ‘away’ fil-kompetizzjonijiet kollha. Madankollu, iċ-Champions Ingliżi rebħu l-aħħar tliet konfronti barra minn darhom fil-Premier League mindu sofrew telfa 0-1 ma’ Liverpool f’Anfield Road.
Is-Citizens, għal din il-logħba, mistennija jkunu mingħajr id-difensur Ruben Dias waqt li d-difensur l-ieħor, John Stones jista’ ma jibdiex il-konfront.
Iżda Man City se jkollhom lura fit-tm lil Kevin de Bruyne u Erling Haaland li ma bdewx il-konfront tal-Erbgħa ma’ Southampton – b’Manuel Akanji, Rodri u Riyad Mahrez ukoll se jkunu involuti, meta l-manager Pep Guardiola mistenni jikkonfronta lil United bl-aħjar formazzjoni possibbli għad-dispożizzjoni tiegħu.
//= $special ?>