Fl-unika partita tal-ġurnata mis-Serie A, fi Stadio Diego Armando Maradona Napoli komplew juru d-dominanza tagħhom fil-kampjonat b’rebħa impressjonanti fuq Juventus bl-iskor ta’ 5-1.
Kienu Napoli li fetħu l-iskor l-ewwel hekk kif wara 14-il minuta Victor Osimhen xeħet ġewwa permezz ta’ daqqa ta’ ras wara li l-konkulżjoni akrobatika ta’ Kvaratskhelia ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Juventus Szczesny.
Napoli rduppjaw l-iskor permezz ta’ kontrattakk veloċi ta’ Osimhen li qassam lejn Khvicha Kvaratskhelia li b’eleganza tefa’ wara Szczesny.
Juventus skurjaw gowl ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ azzjoni individwali tal-attakkant Arġentin Angel Di Maria li ħabat ma’ Milik qabel tefa’ ġewwa.
Napoli reġgħu ħadu l-vantaġġ ta’ żewġ gowls fil-55 minuta meta Amir Rahmani kkonkluda b’gowl mill-isbaħ minn korner ta’ Kvaratskhelia. Fil-65 minuta Victor Osimhen kiseb doppjetta personali meta għeleb lil Szczesny b’daqqa ta’ ras minn kross pinġut ta’ l-istess Kvaratskhelia.
Il-ħames gowl ta’ Napoli wasal mis-sostitut Eljif Elmas permezz ta’ xutt li ġie devjat mid-difensur ċentrali ta’ Juventus Bremer.
Fil-partiti t’għada, Cremonese kontra Monza se tkun l-ewwel partita tal-ġurnata. Milan li jinsabu fit-tieni post se jaffrontaw lil Lecce fit-tieni partita tal-ġurnata fi Stadio Via del Mare, filwaqt li Inter li jinsabu fir-raba’ post se jospitaw lil Hellas Verona fl-aħħar partita tal-ġurnata fid-8:45.
//= $special ?>