Internazzjonali

Tmut Lisa Marie Presley – bint Elvis

Ritratt: Joe Scarnici/Getty Images

Lisa Marie Presley, il-kant-awtriċi u l-unika wild ta’ Elvis Presley, mietet il-Ħamis filgħaxija, wara li ddaħlet l-isptar b’emerġenza. 

Hija kellha 54 sena.

Lisa Marie kienet ikkonfermata mejta fl-isptar f’Los Angeles, fejn kienet rikoverata, wara li l-Ħamis filgħodu ddaħlet b’urġenza hekk kif sofriet arrest kardijaku.

Hija ttieħdet l-isptar minn tim mediku wara li l-housekeeper tagħha sabitha mitlufa minn sensiha, fid-dar tagħha f’Calabasas. L-ex-raġel tagħha, Danny Keough, kien hemm ukoll u wettaq CPR fuqha sakemm waslet l-ambulanza. L-infermiera amministraw mill-inqas doża waħda ta’ ‘epinephrine‘ waqt l-isforzi ta’ risuxxitazzjoni. Huwa mifhum li t-tobba setgħu jerġgħu jieħdu l-polz qabel ma ttieħdet l-isptar.

Rappreżentant ta’ Priscilla Presley, omm Lisa Marie, qal “Priscilla Presley u l-familja Presley huma xxukkjati u qalbhom maqsuma, bil-mewt traġika tal-għażiża tagħhom Lisa Marie. Huma profondament grati għall-appoġġ, l-imħabba u t-talb ta’ kulħadd, u jitolbu għall-privatezza f’dan iż-żmien diffiċli ħafna.”

Lisa Marie hija t-tifla ta’ Elvis u Priscilla – imwielda eżattament 9 xhur wara ż-żwieġ tal-ġenituri tagħha.

Hija saret eredi konġunta tal-patrimonju ta’ Elvis, man-nannu u mal-bużnanna tagħha, wara li missierha miet b’attakk tal-qalb fl-1977.

LIsa Marie segwiet il-passi ta’ missierha, u saret kant-awtriċi u ħarġet l-ewwel album tagħha, bl-isem ta’ “To Whom It May Concern” fl-2003. Ir-rekord telgħet san-numru 5 fil-klassifika tal-albums ta’ Billboard, filwaqt li kisbet ċertifikazzjoni tad-deheb.

Hija kellha wkoll diversi żwieġijiet ta’ profili għoljin. Filwaqt li Danny kien l-ewwel raġel tagħha, inqas minn xahar wara d-divorzju tagħhom… Lisa Marie xokkjat lid-dinja billi żżewġet lil Michael Jackson fl-1994.

Michael Jackson u Lisa Marie iddivorzjaw wara inqas minn sentejn, u fl-2002 iżżewġet lill-attur Nicolas Cage – għalkemm dak iż-żwieġ dam biss ftit xhur qabel ma hu talabha għad-divorzju.

Hija reġgħet iżżewġet għal darb’oħra fl-2006, lill-kitarrista tagħha, Michael Lockwood – u kellhom żewġt itfal – qabel ma ddivorzjaw fl-2016.

Proprju din il-ġimgħa, Lisa Marie u ommha, attendew il-Golden Globe Awards, biex jaraw lil Austin Butler jikseb rebħa għall-interpretazzjoni tiegħu tar-Re tar-Rock n’ Roll, fil-film ta’ Baz Luhrmann, “Elvis“.

Lisa Marie kellha erbat itfal… l-attriċi Riley Keough u t-tfajliet tewmin Harper u Finley Lockwood. Binha, Benjamin Keough, miet b’suwiċidju fl-2020.