Futbol Sport

FA Trophy: Birkirkara jeliminaw lil Nadur u Kerċem jiskorjaw tmienja kontra Attard

(Ritratt: Joseph Galea)

L-ebda sorpriża s’issa fl-FA Trophy hekk kif illum saru magħrufa ħames timijiet oħra li se jkunu qed jilagħbu fir-round tal-aħħar sittax. It-timijiet li jilagħbu fil-Kampjonat Premier kollha qatgħu passaġġ għar-round li jmis filwaqt li mill-Għawdxin, Kerċem u Qala Saints irnexxielhom jgħaddu filwaqt li ċ-champions Nadur Youngsters sfaw eliminati.

Birkirkara 4-0 Nadur Youngsters

Birkirkara ma tantx sabu diffikultà biex ikkwalifikaw għar-round li jmiss tal-FA Trophy meta b’żewġ goals f’kull taqsima għelbu liċ-champions Għawdxin Nadur Youngsters 4-0. L-avversarji fir-round li jmiss għal Birkirkara se jkunu Balzan.

It-tim immexxi minn Giovanni Tedesco fetaħ l-iskor wara 11-il minuta permezz ta’ Osvaldo Iorio biex  fil-41 minuta Yannick Yankam għamilhom 2-0, biex l-Istripes daħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu ta’ żewġ gowls.

Birkirkara baqgħu konsistenti fil-logħob tagħhom fit-tieni taqsima u wara biss sitt miuti skorjaw it-tielet gowl permezz ta’ Alex Da Paixao Alves. Huma ssiġġillaw ir-rebħa bir-raba’ gowl fis-67 minuta mis-sostitut Kevin Tulimieri li tefa’ fix-xibka meta kien ilu biss ħames minuti li daħal bħala sostitut.

Attard 2-8 Kerċem Ajax

Kerċem Ajax sar l-ewwel tim Għawdxi li għamilha mal-aħħar sittax meta mingħajr wisq tbatija għeleb lit-tim miċ-Challenge League Attard bl-iskor kbir ta’ 8-2. Fir-round li jmiss Kerċem jiltaqgħu kontra Hibernians.

Kif jixhed l-iskor, Kerċem immexija minn Elton Vella ddominaw il-partita tant li wara biss kwarta logħob kienu diġa’ 4-0 minn fuq.

Karl Formosa fetaħ l-iskor wara biss ħames minuti għal Kerċem bit-tieni gowl jasal żewġ minuti wara minn  Pablo De Moraes. L-Għawdxin għamluhom tlieta fit-12-il minuta permezz ta’ Bruno Da Cruz biex tliet minuti wara kien Andrew Mizzi li skorja r-raba’ gowl. Attard irnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor fit-38 minuta b’gowl li wasal minn Bledi Alla biex l-ewwel taqsima ntemmet 4-1 favur Kerċem.

Dan il-gowl ma tellef xejn mid-dominanza ta’ Kerċem hekk kif żewġ minuti biss mill-bidu tat-tieni taqsima, Bruno Da Cruz għaqqad doppjetta personali u l-ħames gowl għat-tim tiegħu. Attard komplew jipprovaw iwettqu reazzjoni u fis-66 minuta rnexxielhom jiskorjaw it-tieni gowl tagħhom permezz ta’ Lydon Cuschieri għal skor ta’ 5-2. Kerċem iżda ma kienux kuntenti b’dan l-iskor u fit-68 minuta reġgħu skorjaw din id-darba minn Ognjen Rolovic, li reġa ngħaqad magħhom din il-ġimgħa stess wara li kien telaqhom fl-istaġun 2018/19. Fit-82 minuta Karl Formosa skorja s-seba’ gowl għal Kerċem biex it-tmien u l-aħħar gowl wasal fl-84 minuta minn Pablo De Moraes li hu ukoll għaqqad doppjetta personali.

Azzjoni mill-konfront bejn Attard u Kerċem Ajax (Ritratt: Josef Fitzpatrick)

Balzan 4-0 Tarxien Rainbows

Balzan ukoll ma ddiżappuntawx meta fis-Centenary Stadium għelbu lil Tarxien Rainbows 4-0. 

Bogdan Mladenovic fetaħ l-iskor għal Balzan fis-16-il minuta biex erba’ minuti wara kien il-captain Paul Fenech li għamilhom 2-0, skor li biħ intemmet l-ewwel taqsima. It-tim ta’ Oliver Spiteri baqa’ jattakka fit-tieni taqsima u saħansitra skorja darbtejn oħra minn doppjetta personali ta’ Matheus Nogureira fid-49 u s-60 minuta rispettivament.

Mtarfa 1-2 Qala Saints

Tim ieħor Għawdxi li għamilha mal-aħħar 16 tal-FA Trophy huwa Qala Saints li f’partita missielta u li ġiet deċiża fl-aħħar minuti, għelbu lil Mtarfa 2-1.

Wara taqsima mingħajr gowls, Qala fetħu l-iskor fil-65 minuta permezz ta’  Nathan Chukwudi Njoku. Dan il-vantaġġ Qala ma damux igawduħ wisq għax erba’ minuti biss wara Mtarfa wetqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs b’gowl li wasal mill-eks plejer ta’ Valletta Joseph Jojo Ogunnupe. Bil-logħob ikun maqsum u bilanċjat fl-aħħar kienu Qala li skorjaw il-gowl li kellu jkun tar-rebħa permezz ta’ Ayesller Carvalho fis-87 minuta.

Żejtun Corinthians 0-5 Marsaxlokk

Fl-aħħar partita Marsaxlokk eliminaw lil Żejtun 5-0, b’ goals minn doppjetta ta’ Santiago Moracci u gowl kull wiehed ta’ Thiago Fonseca, Kristian Keqi u Wellington De Sousa.