Lokali

Il-Kamra Maltija tal-Kummerċ tiltaqa’ maċ-Chairperson il-ġdid tal-MCESD

Ir-rappreżentanti tal-Kamra Maltija tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fuq il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) iltaqgħu maċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, li għadu kif inħatar.

Il-President tal-Kamra ta’ Malta Marisa Xuereb saħqet fuq l-importanza li l-MCESD jiffunzjona bħala korp konsultattiv nazzjonali effettiv li huwa awtonomu mill-Gvern. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-MCESD esprima d-determinazzjoni u l-ottimiżmu tiegħu biex jilqa’ l-isfidi tar-rwol tiegħu f’dan iż-żmien u biex jaħdem lejn viżjoni ekonomika u soċjali fit-tul għal Malta. Huwa qal, “Għandi fiduċja sħiħa li l-Kamra Maltija tal-Kummerċ se tkompli tkun rappreżentanta proattiva tal-komunità tan-negozju u tibni fuq ix-xogħol ta’ politika li kkontribwiet għall-aġenda nazzjonali f’dawn l-aħħar snin.”

F’isem il-Kamra Maltija tal-Kummerċ, il-President Marisa Xuereb, id-Deputat President Chris Vassallo Cesareo, il-Kap Eżekuttiv Marthese Portelli u l-Kap tal-Politika Kevin Mizzi ferħu lill-Perit David Xuereb għall-ħatra tiegħu u wiegħdu l-impenn tal-Kamra ta’ Malta għal impenn u kollaborazzjoni kontinwa mal-imsieħba soċjali f’isem l-MCESD, fl-aħjar interess tal-pajjiż.