Atletika Sport

Jeremy Zammit b’rekord ġdid fl-Istati Uniti

Rekord fantastiku ġdid għal-long jumper Jeremy Zammit li kiteb kapitlu mill-isbaħ fil-karriera żagħżugħa iżda promettenti tiegħu b’qabża ta’ 7.84m fl-IStati Uniti. Dan huwa rekord validu fil-kategorija open kemm għall-kategorija indoor kif ukoll outdoor. Zammit kien qed jieħu sehem fil-Clemson Invite f’South Carolina, fejn kien qed jirrapreżenta lill-kulleġġ tiegħu, Auburn. Zammit huwa wieħed minn grupp elite ta’ atleti lokali li rebħu borża ta’ studju Olimpiku mill-Kumitat Olimpiku Malti bi tħejjija għall-kompetizzjonijiet li ġejjin, inkluż l-Olimpjadi f’Pariġi.

Zammit kien waqqaf rekords nazzjonali s-sena li għaddiet b’qabża ta’ 7.40 fl-AAI Indoor Games fl-Irlanda u 7.73m fit-trakka tal-Marsa fil-bidu tal-2022. Ir-riżultat tal-lum jegħleb dawn iż-żewġ riżultati biex b’hekk Zammit iniżżel ismu bi dritt fil-kotba tal-istorja sportiva. Zammit, li għad għandu 18-il sena, kien l-ewwel atleta Malti fl-eta’ tiegħu li wasal sal-finali tal-Kampjonati Dinjija kif ukoll Ewropej lura fl-2021.