Ewropa Internazzjonali

L-UE mħassba dwar il-varjant tal-Kraken

L-uffiċjali tas-saħħa tal-Unjoni Ewropea qed iwissu mill-ġdid sabiex il-pajjiżi Ewropej jerġgħu jikkunsidraw it-teleworking u l-użu tal-maskri minħabba li fl-aħħar ġranet instab varjant ġdid tal-Covid-19 li rriżulta mill-varjant Omricon.

Il-varjant il-ġdid, imlaqqam ‘Kraken’, instab fl-Istati Uniti u kompla jinxtered fir-Renju Unit, bil-kelliema taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Infettiv jisħqu li għalkemm m’hemm ebda evidenza li l-Kraken jikkawża mard aktar gravi minn varjanti oħra tal-Omicron…il-fatt li qiegħed jinfirex malajr jibqa’ inkwetanti, l-iżjed għax il-virus għandu  kapaċità akbar li jilħaq nies vulnerabbli.

Filfatt huwa magħruf li l-varjant Kraken għandu mutazzjoni mhux tas-soltu li tgħinu jinfirex aktar malajr minn varjanti oħra.

Il-kelliema għall-ECDC qalu li għadu mhux magħruf jekk il-vaċċin għall-kontra l-Covid-19 huwiex b’saħħtu biżejjed sabiex jiġġieled dan il-virus. Għalhekk huwa importanti li l-poplu jibqa’ jieħu l-prekawzzjonijiet meħtieġa sabiex l-varjant il-ġdid ma jinxteridx.

Intant, aktar kmieni din il-ġimgħa, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qalet li l-pajjiżi għandhom jikkunsidraw ukoll l-ilbies tal-maskri fuq titjiriet fit-tul, minħabba t-tixrid rapidu tal-virus, filwaqt li ħeġġet  lill-pajjiżi Ewropej sabiex itejbu is-servizz tat-tilqim għal kontra l-Covid-19. Fost sintomi oħra l-aktar sintomi komuni li qed jiġu rrappurtati bħalissa huma; uġigħ fil-griżmejn, imnieħer imblukkat, għatis, sogħla vojta, uġigħ ta’ ras, ħanqa, uġigħ fil-muskoli u nuqqas ta’ xamm.