Lokali

AĠĠORNATA: Pazjent imut fil-kuritur tal-Emerġenza wara li ma nstabx il-file antik tiegħu

Storja li ħolqot paniku sħiħ fil-Ministeru tas-Saħħa

Sorsi ta’ min jorbot fuqhom żvelat ma’ Net News kif fis-sigħat li għaddew pazjent miet fil-kuritur tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei wara li l-file l-antik tiegħu baqa’ ma nstabx. Dan riżultat tal-fatt li l-Gvern ma implimentax is-sistema kompjuterizzata ta’ filing, illi tiġbor ir-records l-antiki tal-pazjenti.

Dan il-każ – illi jidher li seħħ matul il-lejl li għadda – ħasad lill-professjonisti mediċi u lill-infermieri fl-isptar, għaliex huma stess ilhom aktar minn ħames snin jinsistu biex is-sistema tal-files l-antiki tkun waħda diġitali.

F’dan il-każ partikolari, jidher li l-pazjent ma ittellax mill-Emerġenza lejn is-sala…propju minħabba l-fatt li ma nstabux ir-records l-antiki ta’ dan il-pazjent. Għalkemm sorsi oħra qed jindikaw li hu miet waqt li kien lest biex jiġi trasferit lejn parti oħra tal-Isptar.

Li hu żgur hu, li l-pazjent ma tħalliex fil-kuritur b’negliġenza tal-istaff – jew għallinqas, dan huwa dak li qed jgħidulna sorsi differenti.

Fil-fatt, il-ħaddiema fl-Emerġenza kienu ferm urtati li żviluppat din is-sitwazzjoni traġika. “Kieku ma teżistix burokrazija żejda u kieku tfajna kollox fuq sistema kompjuterizzata, ma kienx ikollna imwiet bħala dawn”, qalilna wieħed mill-impjegati f’dan id-Dipartiment.

Ikkummentaw ukoll infermieri żgħażagħ, illi apertament tkellmu kontra l-management diżastruż fl-Isptar Mater Dei.

Waħda minnhom qalet: “Issib kollox kontrik – hemm burokrazija fl-isptar. Jiddispjaċini għal kull pazjent li jkollu jgħaddi minnha”.

Din hi storja li għadha qed tiżviluppa, u se nkunu qed nippubblikaw dettalji fis-sigħat li ġejjin.

Intant, jidher li fl-aħħar jiem żviluppa każ ieħor ta’ pazjent illi miet l-Emerġenza. Dan seħħ wara li dan ir-raġel miet ftit wara li twassal bl-ambulanza, qabel ittella’ fis-sala.