Futbol Internazzjonali

Premier League Ingliż: Man Utd jieħdu r-raġun fid-derby mas-Citizens….Kollox deċiż fit-tieni taqsima, bir-Red Devils jibdlu telfa f’rebħa

Manchester United urew grinta u karattru straordinarju biex qalbu żvantaġġ ta’ gowl għal rebħa, 2-1, fuq ir-rivali u Champions Manchester City, f’Old Trafford.

Il-konfront ma kienx nieqes mid-drama, b’United, grazzi għal din ir-rebħa, jagħlqu d-distakk ma’ City – li jinsabu t-tieni, b’distakk ta’ ħames punti mal-liders Arsenal – għal punt wieħed biss.

Ir-Red Devils huma l-aktar tim li qed juri forma tajba fid-diviżjonijiet kollha tar-Renju Unit u – wara d-disfatta li huma sofrew fid-derby preċedenti – kien mistenni ħafna minnhom f’din il-logħba…Konfront li, fil-fatt, wera kemm United żiedu fil-logħob taħt it-tmexxija tal-manager Olandiż Erik ten Hag u meta huma, issa, pattew bis-sħiħ għat-telfa tennistika ta’ 3-6 mas-Citizens fl-ewwel rawnd tal-kampjonat.

Man City – li jiem ilu kienu eliminati minn Sothampton fil-kwarti-finali tal-Carabao Cup — niżlu għal din il-logħba determinati li jżommu il-pussess, iżda mhemmx dubju li l-aktar żewġ azzjonijiet perikolużi fl-ewwel 45 minuta kienu ta’ United; b’Marcus Rashford jispiċċa miċħud darbtejn minn Ederson wara li sab ruħu ‘one-on-one’ mal-gowlkiper ta’ City fuq żewġ kontra-attakki veloċi.

Fit-tieni taqsima, City bdew jieħdu r-riedni u ma kenitx sorpriża meta fis-60 minuta, Kevin de Bruyne għeleb lil Malacia fuq il-ġirja u dendel ġmiel ta’ kross għas-sostitut Jack Grealish biex jixħet ġewwa bir-ras minn quddiem David de Gea.

Il-gowl ma qatax qalb ir-Red Devils u tnax-il minuta mit-tmiem huma kisbu parità b’gowl xi ftit kontroversjali skurjat mill-midfielder Portugiż Bruno Fernandes.

Il-plejers ta’ City ipprotestaw bl-aħrax dwar dan il-gowl minħabba li Rashford kien deher f’pożizzjoni ta’ offside sekondi qabel – iżda fil-verità dan il-plejer fl-ebda ħin ma mess il-ballun u l-uffiċjali, wara xi minuti ta’ konsultazzjoni,  iddeċidew li l-attakkant ta’ United kien qiegħed f’offside passiv u ma kienx qed jinfluwenza l-azzjoni.

Filwaqt li d-dibattitu dwar il-validità tal-gowl għandu jkompli fil-jiem li ġejjin, Rashford – li għaddej minn forma brillanti – mill-ġdid kien l-eroj għal United meta, fit-82 minuta, hu daħal bħal sajjetta għall-ballun meqjus tas-sostitut Garnacho biex jegħleb lil Ederson għat-tieni darba; b’dan il-gowl jiddeċiedi d-derby favur ir-Red Devils.

Man Utd issa tilfu darba biss (ma’ Aston Villa fil-league) fl-aħħar 19-il logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha u jidhru li se jkunu forza kbira għall-kumplament tal-istaġun minkejja l-bidu diżastruż għall-kampjonat fejn huma kienu telfu l-ewwel żewġ konfronti tal-league ma’ Brighton and Hove Albion u Brentford.