Futbol Internazzjonali

Premier League Ingliż: Liverpool isofru telfa umiljanti għand Brighton….Jikber l-inkwiet għal Everton

Brighton and Hove Albion ġabu fix-xejn lil Liverpool, 3-0, fl-Amex Stadium biex huma, issa, qabżu lit-tim ta’ Jurgen Klopp fis-seba’ post tal-klassifika.

Is-Seagulls ta’ Roberto de Zerbi iddominaw l-ewwel taqsima iżda ma kkonvertewx il-pressjoni f’gowls – bid-difensur tar-Reds, Alexander-Arnold, jimblokka t-tentattiv perikoluż ta’ Solly Brighton minn kważi fuq il-linja.

Iżda fil-bidu tat-tieni taqsima, Brighton kisbu l-vantaġġ meritat meta March (46) ikkonverta l-kross ta’ Kaoru Mitoma – bis-Seagulls ikomplu jagħfsu lid-difiża ta’ Liverpool li sabu ruħhom 2-0 minn taħt meta March spara xutt minn angolu diffiċli (fuq it-through-ball ta’ Ferguson) li ma ta l-ebda ċans lil Alisson.

Liverpool dehru demoralizzati u ma kellhomx risposta, bi Brighton jissiġillaw ir-rebħa meta s-sostitut Danny Welbeck qabeż lid-difensur Gomez mingħajr affann qabel għeleb lil Alisson għat-tielet darba.

Everton – għat-tieni staġun konsekuttiv – qed jidhru f’periklu serju li jitilfu posthom fl-ogħla diviżjoni Ingliża għall-ewwel darba fl-istorja. Dan meta t-Toffees tilfu mill-ġdid f’darhom, din id-darba ma’ Southampton u f’konfront meqjus bħala ‘six-pointer’ lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika.

L-istaġun qed jiżvolġi f’wieħed ferm frustranti għat-Toffees, bis-sapporters jinfexxu l-għadab tagħhom mas-sidien u d-diriġenti tal-klabb mat-tisfira finali f’Goodison Park. Il-kriżi, intant, qed tidher ovvja b’Everton issa jinsabu t-tieni mill-aħħar, bl-istess punteġġ bħal West Ham United u l-istess Southampton.

Everton marru fil-vantaġġ qabel il-mistrieħ meta Amadou Onana (39) sab ix-xibka bir-ras fuq l-assist ta’ Demarai Gray, iżda s-Saints ħarġu determinati wara l-mistrieħ u James Ward-Prowse (46) għamilhom 1-1 fl-ewwel azzjoni tat-taqsima. Dominic Calvert-Lewin imbagħad laqat il-mimduda għal Everton, bl-aħħar kelma deċiżiva mill-ġdid tkun ta’ Ward Prowse li tnax-il minuta mit-tmiem skorja freekick brillanti għall-gowl tara-rebħa.

Battalja oħra lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika kienet dik fis-City Ground, fejn Nottingham Forest għelbu lil Leicester City, 2-0, biex huma issa kisbu żewġ rebħiet konsekuttivi fil-Premier League għall-ewwel darba f’dan l-istaġun.

Iż-żewġ gowls waslu fit-tieni taqsima meta Brennan Johnson (56) daħal għall-ballun ta’ Morgan Gibbs-White qabel dar mal-gowlkiper Danny Ward u sab ix-xibka għall-ħames gowl personali mill-bidu tal-kampjonat. Fl-aħħar ħinijiet, l-istess żewġ plejers ħadmu azzjoni inċiżiva, b’Johnson mill-ġdid  ma jagħti l-ebda ċans lil Ward b’xutt għar-rokna.

Wolverhampton Wanderers ħarġu miz-zona l-ħamra tal-klassifika għall-ewwel darba fi tliet xhur grazzi għal rebħa, 1-0, fuq West Ham United – bil-Hammers issa jinsabu fil-‘Bottom Three’ minflok l-istess Wolves li qegħdin juru titjib notevoli taħt il-manager Julen Lopetegui.

Il-gowl li deċieda l-logħba wasal fit-48 minuta meta Daniel Podence ma żbaljax fuq il-kross preċiż ta’ Matheus Nunes li rnexxielu jiżgiċċa n-nasba tal-offside.

Minkejja li fis-sajf nefqu total ta’ 160 miljun Sterlina fuq it-trasferimenti l-ġodda, West Ham kisbu punt wieħed biss mill-aħħar seba’ konfronti fil-kampjonat u issa jridu jaħsbu fil-logħba li jmiss – six-pointer ieħor potenzjali u fejn huma ( nhar is-Sibt li ġej)  jospitaw lil Everton fil-London Stadium.

Brentford għelbu  lil Bournemouth, 2-0, biex komplew jgħabbu l-pressjoni fuq il-manager taċ-Cherries Gary O’Neil li t-tim tiegħu jinsab żewġ punti biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra. Dan meta Bournemouth rebħu biss tnejn mill-aħħar tlettax-il konfront fil-kompetizzjonijiet kollha minbarra li sofrew sitt telfiet konsekuttivi mindu O’Neil kien inħatar manager tat-tim fuq bażi permanenti.

L-ewwel gowl tal-Bees wasal minn penalty skurjat minn Ivan Toney wara li l-istess plejer kien twaqqa’ fil-kaxxa minn Marcos Senesi. Il-penalty skurjat kien id-disa’ wieħed konsekuttiv għal Toney fil-Premier League f’dan l-istaġun.

Sadanittant, Brentford, li ilhom seba’ logħbiet mingħajr telfa, aċċertaw mir-riżultat meta Mathias Jensen (75) sab ix-xibka għat-tieni gowl wara xogħol tajjeb minn Joshua Dasilva.