Cremonese v Monza 2-3
Fl-ewwel partita tas-Sibt, Monza kisbu l-ewwel rebħa tagħhom wara l-waqfa għat-Tazza tad-Dinja kontra Cremonese bl-iskor ta’ 2-3.
Monza fetħu l-iskor kmieni permezz ta’ Patrick Ciurria li xeħet ġewwa bla ebda diffikultà mill-kross ta’ Petagna.
Monza rduppjaw fid-19-il minuta meta Gianluca Caprari għeleb lil Carnesechi minn penalty li wasal minn foul li sar fuq id-difensur ċentrali Izzo mill-midfielder ta’ Cremonese Paolo Ghiglione.
Monza għamluhom tlieta fil-55 minuta meta l-istess Gianluca Caprari kiseb doppjetta personali hekk kif tefa’ ġewwa b’xutt eleganti minn pass ta’ Andrea Petagna.
Fis-67 minuta kien iċ-ċans ta’ Cremonese li jsibu x-xibka meta l-attakkant t’esperjenza Daniel Ciofani għeleb lil Di Gregorio b’daqqa ta’ ras minn kross preċiż tad-difensur laterali Valeri.
Cremonese reġgħu skurjaw gowl bit-tama’ li jiksbu d-draw fit-83 minuta meta Cyriel Dessers ikkonkluda tajjeb minn throw in veloċi ta’ Valeri.
B’xorti ħażina għal Monza, il-gowls ta’ Ciofani u Dessers swew biss ta’ konsolazzjoni.
Lecce v Milan 2-2
Lecce kisbu draw prestiġjuż kontra Milan bl-iskor finali jispiċċa jkun 2-2 wara li Milan ġew minn taħt b’żewġ gowls fit-tieni taqsima.
Lecce fetħu l-iskor kmieni permezz ta’ auto-goal tad-difensur laterali ta’ Milan Theo Hernandez wara li kien fil-post il-ħażin u interċeta l-kross ta’ Di Francesco u xeħet ġol-lasta tiegħu stess.
Lecce komplew jissorprendu l-avversarju tagħhom meta fit-23 minuta d-difensur ċentrali ta’ Empoli Federico Baschirotto tefa’ ġewwa permezz ta’ daqqa ta’ ras minn kross ta’ Hjulmand.
Milan ġabu gowl lura fit-58 minuta meta Rafael Leao sab ix-xibka wara li l-goalkeeper ta’ Lecce Wladimiro Falcone salva l-ewwel konklużjoni ta’ Giroud, madankollu l-attakkant Portugiż kien veloċi biżżejjed biex jaqbez fuq iċ-ċans li jixħet ġewwa.
Fis-70 minuta Davide Calabria skurja l-gowl tad-draw b’daqqa ta’ ras eleganti li għelbet lil Falcone.
Inter v Hellas Verona 1-0
Fl-aħħar partita tal-ġurnata, gowl kmieni ta’ Lautaro Martinez kien biżżejjed biex jagħti tlett punti għal Inter kontra Hellas Verona.
Il-gowl wasal wara biss tlett minuti logħob meta Martinez xeħet ġewwa wara li l-ewwel l-konklużjoni ta’ Gagliardini ġiet salvata mill-goalkeeper ta’ Verona Montipo.
//= $special ?>