Lokali

Tnaqqis fil-kuntratti tat-trasferimenti ta’ proprjetà

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi li bejn Ottubru u Diċembru saru 3,738 kuntratt filwaqt li fis-sena ta’ qabel saru 3,896 kuntratt – Dan ifisser tnaqqis annwali ta’ 4.1 fil-mija li ammonta għal madwar €800 elf.

Apparti dan, l-NSO ħabbar li l-valur tal-kuntratti finali ta’ trasferiment ta’ proprjetà residenzjali rreġistrati f’Diċembru tal-2022 kien ta’ madwar €200 miljun.

Din l-istatistika ibbażata fuq ir-reġistrazzjonijiet mal-awtoritajiet tat-taxxa turi tnaqqis ta’ 28.5 fil-mija meta mqabbel mal-valur ta’ proprjetà mibjugħa f’Diċembru tas-sena ta’ qabel.

Rigward kuntratti li saru tul ix-xahar ta’ Diċembru .. ftit aktar minn 91% tal-kuntratti rreġistrati saru minn xerrejja individwali, filwaqt li l-kumplament kienu kumpaniji, bil-valur tal-propjetà mixtrija mill-individwi kien jammonta għal ftit aktar minn €186 miljun.

Bosta esperti fis-settur tal-proprjetà saħqu li ż-żieda straordinarja fil-bejgħ u xiri ta’ proprjetà li rajna fis-sentejn tal-pandemija kienet minħabba l-fatt li bosta bejjiegħa u xerrejja ħadu vantaġġ mit-tnaqqis sostanzjali fir-rata tat-taxxa tal-boll.

Intant, bejn Otturbru u Diċembru rriżulta li l-ikbar ammont ta’ kuntratti kienu jittrattaw propjetà f’Għawdex fejn b’kollox saru 600 kuntratt .. filwaqt li f’Malta l-aktar proprjetà li kienet soġġetta għax-xiri kienet fir-reġjun ta’ Birkirkara, il-Gżira, l-Imsida, Ta’ Xbiex u San Ġwann  .. b’427 kuntratt.

Minkejja li l-inqas għadd ta’ kuntratti saru fir-reġjun tal-Isla, Bormla u l-Kalkara fejn b’kollox saru 83 kuntratt, l-ikbar żieda annwali ġiet innotata f’dan ir-reġjun b’żieda ta’ kważi 43.9 fil-mija. B’kuntrast, l-ikbar tnaqqis annwali ġie rreġistrat fir-reġjun ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin u Ħal Lija.

Fejn jidħlu konvenji, fir-raba’ kwart tas-sena, l-ammont ta’ konvenji li saru bejn Ottubru u Diċembru jammontaw għal 3,357 jiġifieri tnaqqis ta’ kważi 27.2% meta kkumparat mas-sena 2022.