Lokali

Żagħżugħ iweġġa’ gravi wara ġlieda f’Paceville

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-tmienja ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fi Triq San Ġorġ, Paceville.


Hekk kif il-Pulizija kienu sejrin fuq il-post, daħal fl-Għassa ta’ San Ġiljan, raġel mill-Gambja ta’ 24 sena residenti San Ġiljan bi ġrieħi f’wiċċu. Huwa allega li ftit minuti qabel kien involut f’argument ma’ raġel ieħor fi stabbiliment fi Triq San Ġorġ.


Il-Pulizija marret fuq il-post, fejn hemmhekk instab ir-raġel l-ieħor, Pakistani ta’ 33 sena u residenti Tas-Sliema, li kellu wkoll xi ġrieħi.


Iż-żewġt irġiel ittieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura. Aktar tard, iż-żagħżugħ ta’ 24 sena ġie ċċertifikat li weġġa’ ħafif filwaqt li l-ieħor ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.


L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.