Anzjan ta’ 79 sena residenti l-Marsa tilef ħajtu wara li ttajjar minn karozza fil-Marsa-Ħamrun Bypass.
L-inċident seħħ is-Sibt għall-ħabta tas-7:00pm ta’ filgħaxija hekk kif il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fil-Marsa-Ħamrun Bypass, il-Marsa.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel kien intlaqat minn Kia Sorento, misjuqa minn raġel ta’ 24 sena residenti Birżebbuġa.
Tim mediku ta l-assistenza filwaqt li ambulanza ħadet lill-anzjan l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, iżda sfortunatament, huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ordna li ssir inkjesta u ħatar diversi esperti.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
Il-Ħadd filgħodu l-vittma ġiet identifikata bħala Pawlu ċ-ĊeĊe u fost dawk li sellmu l-memorja tiegħu esprimew li n-nuqqas tiegħu se jinħass ferm b’mod speċjali fost id-dilettanti taż-żwiemel.