Futbol Sport

Barcelona jirbħu s-Super Cup Spanjola u l-ewwel tazza tal-kowċ Xavi

Fil-King Fahd International Stadium f’Riyadh, Arabja Sawdija Barcelona jegħlbu lil Real Madrid 3-1 fil-finali tas-Super Cup Spanjola.

Suċċess għal Barcelona fejn filwaqt li f’La Liga għadhom bi tlett punti vantaġġ fuq Real Madrid, ir-rebħa tas-Super Cup mhux biss kienet id-disa’ riżultat pożittiv konsekuttiv iżda wkoll l-ewwel trofew mirbuħ minn Xavi minn meta ħa t-tmexxija tat-tim.

Bilanċ assolut sal-ewwel nofs siegħa . Fit-33 minuta l-partita ħadet xejra differenti meta minn azzjoni ta’ Lewandowski kien GAVI li għeleb lil Thibaut Courtois biex poġġa lil Barcelona fil-vantaġġ.

Ebda reazzjoni minn Real Madrid li fil-45 minuta sofrew it-tieni gowl. Minn pass ta’ Gavi, kien ROBERT LEWANDOWSKI li mill-ġdid għeleb lil Courtois. 2-0 sa tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima wara li fid-69 minuta, PEDRI għalaq il-partita bit-tielet gowl, kien biss fit-tielet minuta ta’ ħin miżjud li Real Madrid naqqsu l-iskor permezz ta’ KARIM BENZEMA li għeleb lil Marc Andre’ ter Stegen għat-3-1.