“Dan huwa l-mument li nitkellmu, li ma nibqgħux siekta, il-ġlieda favur il-ħajja m’għandhiex kuluri, m’għandiex età, m’għandhiex ġeneru. Dan huwa l-mument li ma nibqgħux siekta, dan huwa l-mument li nkunu forza, forza mhux politika, forza flimkien, bħala nies ġenwini favur il-ħajja, favur id-drittijiet tal-bniedem”
Hekk dak li qal il-Kap tal-PN Bernard Grech, f’diskors li wassal tul l-għeluq tal-Laqgħa Pubblika organizzata mill-PN bit-tema “Iva, favur il-Ħajja”, fejn tenna li l-prinċipju kontra l-abort illum kompla jissaħħaħ wara d-diskussjoni li ttellgħat.
“Illum kellna opportunità li nkomplu nitgħallmu dwar dan is-suġġett, u aħna tajna l-ispażju li ssir diskussjoni”
Ġlieda favur dawk l-aktar vulnerabbli
Tul il-Laqgħa Pubblika li ttellgħat fil-lukanda Excelsior fil-Floriana, Bernard Grech qal li quddiemna għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern ta’ Robert Abela jrid idaħħal l-abort kontra r-rieda tal-poplu, għax m’għandux mandat li jagħmel dan.
“Mhux Nazzjonalisti biss li huma favur il-ħajja, hemm ħafna bla Partit, jew li huma Laburisti, li ma jridux li f’Malta jibda jsir l-abort”
Il-Kap tal-PN qal li l-poplu Malti għandu jkun lest li jiġġieled favur dawk l-aktar vulnerabbli, favur l-innoċenti.
“Din hija ġlieda tat-tarbija fil-ġuf, irridu nkunu kollha magħqudin favur il-ħajja. Ara ma taħsbux li din hija ġlieda bejn l-irġiel u nisa, kif hemm min qed ipenġiha, din hija ġlieda tat-tarbija fil-ġuf u rridu nkunu kollha favur din il-ġlieda, favur il-ħajja”
Is-soċjetà għandha tkun hemm
Il-Kap tal-PN qal li għandna nagħmlu minn kollox biex ngħinu lill-omm, biex ma tfittix li l-abort bħalha soluzzjoni. Bernard Grech, qal li minflok qegħdin hawn niġġieldu favur il-ħajja, aħjar qed nitkellmu kif se ntejbu dan l-għarfien.
“Ejja nagħmlu politika biex jiżdied l-għarfien, biex niddiskutu, biex inħarsu lill-omm, il-missier, lill-ġenituri li jkunu għaddejjin minn mumment diffiċli, ejja permezz t’hekk inħarsu wkoll lit-tarbija fil-ġuf”
L-abort mhux soluzzjoni
“Ejja nagħtu l-kura, jekk huwa dak li l-mara għandha bżonn, il-wens u l-protezzjoni, ejja ngħinu.
Bernard Grech qal li rridu nkomplu niddiskutu biex ineħħu l-pjagi li hawn fis-soċjetà biex inħarsu l-ħajjiet. Huwa qal li jeħtieġ tisħiħ aktar fl-edukazzjoni fuq dan is-suġġett, biex ħadd ma jiddejjaq ifittex l-għajnuna. Huwa qal li f’dan it-tragward irridu nkunu ċerti li l-għajnuna tinsab disponibbli u għandha risorzi kollha biex tgħin u tassisti.
“Dawn huma l-pjagi li suppost qed niddiskutu, jekk verament irridu ntejbu l-ħajja u s-saħħa tal-mara. Dawn jaffetwaw dan kollu. Kellna inċidenti fejn inqatlu n-nisa għax ma sabux l-għajnuna f’min suppost kellu jipproteġihom. Għalhekk ejjew naħdmu biex inkuni ġusti, ejjew naħdmu biex nuru aktar empatija, ejja nagħdru u ngħinu biex flimkien inkunu favur il-ħajja”
//= $special ?>