Futbol Sport

FA Trophy: Elvis Mashike l-eroj ta’ Ħamrun wara battikata kontra Għajnsielem

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

ĦAMRUN S………………..3

GĦAJNSIELEM…………..1

(wara l-ħin barrani)

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg (M. Mifsud 114’), M. Guillaumier, L. Montebello (E. Mashike 63’), J. Soares, R. Prsa (E. Bruno 63’), R. Callegari (R. Camenzuli 65’), V. Ribeiro (O. Bjelicic 90’), J. Corbalan, E. Marcelina, J. Robert

Għajnsielem: A. Parnis, K. Borg (M. A. Scicluna 108’), A. Xuereb, D. Farrugia, J. P. Santos, S. Attard, K. Grima, C. Camilleri (J. Micallef 113’), V. Junior, C. Barbosa, P. Cruz

Referee: Ishmael Barbara

Skorjaw: P. Cruz 46’ pen (Għ), E. Mashike 90’, 115’, J. Soares 104’, (Ħ)

Ħamrun Spartans kellhom iħalluha għall-ħin barrani biex għaddew għall-fażi li jmiss tal-FA Trophy b’rebħa ta’ 2-1 fuq Għajnsielem fil-Gozo Stadium. L-Għawdxin kienu ddestinati li jgħaddu meta sad-90 minuta kienu 1-0 minn fuq sakemm is-sostitut Elvis Mashike ġab il-gowl li sforza l-ħin barrani biex mbagħad, l-Ispartans skorjaw darbtejn oħra biex qatgħu passaġġ għal mal-aħħar 16 fejn issa jiltaqgħu kontra r-rivali Valletta.

Ħamrun dehru li se jkollhom logħba trankwilla meta wara 13-il minuta rebħu penalty għal foul fuq Jonny, iżda mill-11-il metru Steve Borg tefa’ barra.

Ħamrun komplew jiddettaw u xutt ta’ Dodo kien salvat minn Parnis u Emerson Marcelina kellu gowl imħassar minħabba pożizzjoni ta’ offside.

Fl-ewwel minuta tat-tieni taqsima kienu Għajnsielem li rebħa penalty u Patrick Dos Santos Cruz ma żbaljax biex fetaħ l-iskor.

Ftit wara Għajnsielem viċin it-tieni gowl b’daqqa ta’ ras ta’ Candido taħbat mal-lasta u mir-rebound Bonello salva, bit-tim Għawdxi jinsisti li l-ballun kien qabeż il-linja.

Fid-89 minuta Bonello żamm lill-ispartans fil-logħba meta ċaħħad lil Oliveira Santos u meta kollox deher mitluf għall-Ispartans kien is-sostitut Elvis Mashike li kiseb id-draw b’daqqa ta’ ras minuta wara.

Fil-ħin barrani Ħamrun dawwru r-riżultat favur tagħhom meta minuta minn tmiem l-ewwel taqsima Bjelicic żmarka lil Dodo li quddiem Parnis ma żbaljax.

Dan il-gowl bla dubju waqqa’ l-moral ta’ Għajnsielem li erba’ minuti mit-tmiem sofrew ukoll it-tielet gowl fejn reġa’ kien l-eroj tal-Ispartans Elvis Mashike li qabeż anki lill-goalkeeper qabel xeħet fix-xibka.