Futbol Sport

FA Trophy: Faċli għal Valletta wara bidu mqanżaħ

(Ritratt: Cameron Farrugia)

Chris Cassar

VALLETTA ……………………..5

ŻABBAR SP ……………………1

Valletta: C. Formosa, R. Camilleri, T. Caruana (B. Paiber 71’), A. Zammit (J. Willy 77’), S. Dimech, E. Pena Beltre (S. Mackay 65’), F. Falcone (L. Cremona 65’), B. Kamdem, R. Muscat, J. Nnomo Ngong, K. Bevis (Z. Barbara 65’).

Zabbar SP: L. Lagana, T. Tabone Desira, C. Magro, M. Attard (K. Tanti 26’), D. Oliveira Souza, S. Diacono, A. Cutajar (A. Brincat 81’), S. Buhagiar (C. Camilleri 81’), N. Borg (C. Ebiye 70’), D. Fava, B. Scerri (T. Duncan 81’).

Referee: Emanuel Grech

Skorjaw: D. Oliveira Souza 5’(Ż) , K. Bevis 19’, F. Falcone 43’, S. Dimech 46’, A. Zammit 58’, 67’ (V)

Valletta għaddew għar-rawnd li jmiss tal-FA Trophy b’rebħa faċli kontra Żabbar, rebħa li waslet wara li ż-Żabbarin ħasdu lill-avversarji b’gowl kmieni fil-logħba. Dan il-gowl xekkel mhux ftit lil Valletta li damu ma sabu saqajhom u kien biss fit-tieni taqsima li Valletta urew il-kwalitajiet tagħhom biex kisbu rebħa faċli, rebħa li setgħet kienet anki ikbar fl-iskor.

Il-logħba bdiet għat-telgħa għal Valletta hekk kif wara ħames minuti kienu Żabbar li fetħu l-iskor, meta minn azzjoni ta’ korner, id-difiża Beltija kienet wisq passiva u David Oliveira Souza għola fuq kulħadd u antiċipa l-ħarġa ta’ Formosa u bir-ras xeħet fix-xibka.

Valletta dehru xi ftit konfużi u minkejja li kellhom pussess tal-ballun kważi totali, ma setgħux jinfdu difiża organizzata u numerikament għolja hekk kif iż-Żabbarin prattikament ingħalqu kollha fid-difiża.

Fid-19-il minuta Valletta kisbu l-gowl tad-draw meta l-goalkeeper Żabbari ma żammx xutt ta’ Andrea Zammit u Bevis kien fil-post eżatt biex kompla għal ġewwa mir-reound. Valletta bdew jilagħbu iktar trankwilli iżda xorta ftit kellhom okkażżjonijiet ta’ skor għajr għat-38 minuta meta Bevis ma laħaqx il-ballun minn quddiem il-lasta wara xogħol tajjeb ta’ Zammit.

Żewġ minuti mill-intervall l-aħjar azzjoni ta’ Valletta wasslet għat-tieni gowl meta Shaun Dimech għadda tajjeb fuq il-lemin u qassam għan-nofs fejn Falcone spara għal ġewwa mill-viċin.

Erbgħin sekonda fit-tieni taqsima u Valletta reġgħu sabu x-xibka. Kienet azzjoni tajba ta’ Bevis li qassam lejn Dimech li b’xutt mill-ewwel fil-baxx sab ix-xibka. Valletta issa bdew isibu iktar spazju fid-difiża Żabbarija u kellhom diversi ċansijiet ta’ skor.

Fit-58 minuta Andrea Zammit skorja r-raba’ gowl, ferm sabiħ, wara azzjoni personali. Fis-67 minuta Andrea Zammit irrepeta u skorja l-ħames gowl b’azzjoni oħra personali.