Futbol Sport

FA Trophy: Gudja jikkwalifikaw b’penalty ta’ Plut

(Ritratt: Gudja United)

Chris Cassar
GUDJA U. …………………2
NAXXAR L.………………..1

Gudja U: G. Zammit, J. Bolanos, A. Prates, J. Mintoff, T. Nagamatsu, V. Plut, A. Azzopardi, J. Arthur, K. Micallef, N. Tabone, M. Muchardi.

Naxxar L: A. Fenech, M. Fenech, E. Cerqueira Farias, J. Suda, E. Ferreira, A. Azzopardi, J. Bajada, J. Ellul, J. Azzopardi,
R. B. Rendon, A. Marshall.

Referee: Malcolm Spiteri

Gudja United kellhom jitħabtu biex eliminaw lil Naxxar 2-1, f’logħba ferm bilanċjata u kumbattuta fejn finalment kellu jkun penalty skorjat minn Vito Plut li għamel id-differenza, bin-Naxxarin eliminati bl-unuri kollha u Gudja sodisfatti li
komplew javanzaw.

Gudja tilfu lil Ayrton Azzopardi wra għaxar minuti u minkejja li ħadu l-inizjattiva kellhom jistennew sal-20 minuta għall-ewwel azzjoni meta Plut żmarka lil Nagamatsu li kien imċaħħad minn save tajjeb ta’ Fenech li kien jilgħab flok Yenz Cini.

Fit-28 minuta Naxxar fetħu l-iskor bi ġmiel ta’ gowl skorjat minn Robinson Blandon Rendon li minn distanza notevoli fajjar xutt li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka.

Seba’ minuti wara Gudja kisbu l-gowl tad-draw b’azzjoni tajba fuq ix-xellug tas-sostitut Navarrete li qassam lejn Muchardi li mill-viċin skorja b’xutt fil-baxx.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Gudja ngħataw penalty wara kuntatt fil-kaxxa fuq Nagamatsu u mill-11-il metru Vito Plut skorja b’xutt preċiż fil-baxx. Għal-kumplament tal-logħba Naxxar wettqu reazzjoni tajba fejn baqgħu ifittxu sa l-aħħar li jisfurzaw il-ħin barrani filwaqt li Gudja fallew xi tentattivi li jagħlqu l-logħba fil-kontrattakki tagħhom.