Futbol Sport

FA Trophy: Gżira jeliminaw lill-ġirien Sliema b’gowl f’kull taqsima

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

GŻIRA U……………2

SLIEMA W…………0

Gżira U: D. Zarkov, G. Bohrer, L. Tabone, S. Pisani (N. Muscat 79’), Z. Scerri (A. Borg 90’), M. Dias, T. Kolega, M. Cosic, M. Maia, J. De Assis (B. Borg 90’), J. Mendoza (L. Riascos 62’)

Sliema W: R. Al Tumi, J. Vella (L. Muscat 61’), J. Engerer (L. Micallef 82’), M. Scerri, J. C. Goncalves (G. Aquilina 61’), E. Agius, N.Frendo, B. Murilo, G. Acheampong, M. Beerman, M. Awad (O. Elouni 88’)

Referee: Matthew Degabriele

Tkeċċew: M. Scerri 52’ (S), M. Maia 52’ (G)

Skorjaw: J. De Assis 6’, G. Bohrer 63’ pen (G)

Gżira United għamluha għar-round li jmiss tal-FA Trophy wara li eliminaw lil Sliema Wanderers meta rebħulhom 2-0. Gżira ħasru l-pjanijiet tattiċi ta’ Paul Zammit meta skorjaw wara biss sitt minuti, biex permezz ta’ penalty fit-63 minuta ssiġillaw rebħa u kwalifikazzjoni.

Gżira fetħu l-iskor wara biss sitt minuti meta kien kross insidjuż mil-lemin ta’ Jackson Mendoza li sab lill-aqwa skorer Jefferson De Assis li minn qudiem Al Tumi ma żbaljax u tefa’ ġewwa.

Mal-kwarta logħob kontrattakk Slimiż permezz ta’ Awad li baqa’ javvanza sal-kaxxa avversarja u prova xutt b’saħħtu, li Zarkov b’diffikultà kellu  jdawwar f’korner.

Sliema b’azzjoni tajba fis-27 minuta, Acheampong jagħti ballun tajjeb lejn Goncalves, bil-Brażiljan javvanza u minn qagħda angolata jixxutja iżda jsib lil Zarkov attent li laqa’ tajjeb.

Wara din l-azzjoni l-logħob kien maqsum u b’nuqqas ta’ konklużjonijiet lejn il-lasti taż-żewġ timijiet biex l-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 1-0 favur Gżira.

Fit-52 minuta ż-żewġ timijiet spiċċaw jilagħbu b’għaxar plejers meta l-ewwel kien Mark Scerri li ngħata t-tieni karta safra għal foul fuq Maxuel Maia, bil-Brażiljan jidher li rritalja għall-istess daħla, bl-assistant referee jiġbed l-attenzjoni lil Matthew Degabriele li minn naħa tiegħu ura karta ħamra diretta lil Maia.

Mas-siegħa logħob minn azzjoni ta’ free-kick mogħti minn Edmond Agius, il-ballun waqa’ f’saqajn Awadi li prova xutt mill-ewwel li għadda ftit barra.

Fit-63 minuta Gżira ingħataw penalty meta Jefferson De Assis twaqqa’ fil-kaxxa minn Murilo, mill-11-il metru kien Gabriel Bohrer li tefa’ wara Al Tumi għal 2-0.

Mas-70 minuta logħob Sliema fuq l-attakk fejn fl-ewwel tentattiv Jake Engerer ra l-konklużjoni tkun salvata parzjalment minn Zarkov biex fit-tieni tentattiv, ix-xutt ta’ Awadi kien dgħajjef wisq u spiċċa f’idejn Zarkov.

Minkejja l-isforzi ta’ Sliema, il-Maroons jirnexxielhom iżommu l-vantaġġ doppju u għalhekk ikunu huma li javvanzaw għar-round tal-aħħar sittax tal-FA Trophy bl-avversarji li jmiss ikunu Qala Saints.