Lokali

“Il-brigata li tgħid prosit lill-Ministru”

“Il-brigata li tgħid prosit Ministru”

Dan hu t-titlu li ngħata l-editorjal tal-Malta Indipendent tal-Ħadd fejn qal li f’pajjiżna hawn bosta persuni li ma jafux joħolqu opinjoni dwar dak li jkun għaddej madwarhom.

L-editorjal ta eżempju ta’ dak li għamel il-Ministru Clayton Bartolo fejn libes il-ġakketta tal-Manchester United qabel partita bejn l-iskwadra tan-nisa tal-Manchester United u Birkirkara, fejn l-editorjal jgħid li Bartolo naqas mhux għax libes il-ġakketta, iżda għax fil-mument kien qed jirrapreżenta lil pajjiżu, bħala Ministru, u ma setax itajjar bandiera ta’ ħaddieħor.

Dan apparti wkoll, li Birkirara, huwa parti minn distrett, li hu wkoll jikkontesta fih.

L-editorjal qal li għalkemm żbalja, u ammetta hu stess li naqas, xorta daħlet il-brigata li tgħid kontinwament “prosit Ministru”, u li tgħid li m’għamel xejn ħażin, anki wara li tkun ċara li sar l-iżball.

Dan apparti li kieku din l-azzjoni saret minn esponent tal-kamp oppost, l-istess individwi joħorġu jikkritikaw lill-Ministru ta’ din l-azzjoni, iżda jagħmlu dan, għax mhux mill-kamp tagħhom.

L-analiżi kompliet billi qalet li dawn il-persuni, jiktbu xi ħaġa għax fir-realtà l-persuna li joħorġu għonqhom għalih, ikun politiku u dan jagħmluh mingħajr ma jaħsbu.

L-editorjal qal li dawn il-persuni, jekk il-Partit Laburista jgħidilhom joħorġu jimxu, billi jinżlu u jitilgħu t-triq għal 10 darbiet, se jagħmlu dan mingħajr ebda domandi, iżda jekk il-Partit Nazzjonalista jgħidilhom l-istess, se jopponu mill-ewwel.

L-analiżi tal-Malta Indipendent għalqet billi qalet li hija ħasra li hawn persuni ma jafux joħolqu l-opinjoni huma, bil-midja soċjali tagħti stampa ċara ta’ f’liema stat tinsab is-soċjetà Maltija.