Waqt laqgħa pubblika bit-tema, ‘Iva, favur il-ħajja’ il-professjonist George Buttigieg qal li din il-ġlieda m’għandiex tiġi politizzata filwaqt li rringrazzja lil dawk li vvutaw kontra l-emenda.
Huwa saħaq li l-pajjiż s’issa dejjem ipproteġa lil vulnerabbli kif ukoll lit-tarbija fil-ġuf filwaqt li qal li għandna niftakru f’dawk l-ommijiet li jfittxu l-abort ghaliex ikollhom problemi kbar u allura rridu nagħtuhom l-għajnuna. U allura, mhux tinqatel it-tarbija fil-ġuf.
Buttigieg qal; “l-abort mhuwiex ‘healthcare’, fiż-żmien li qattajt barra dan il-pajjiż fittixt fil-files ta’ dawn it-trabi li ġew maqtula ma sibtx raġuni valida, mhijiex raġuni li għax persuna batuta noqtlu lit-tarbija, inħoss għalik u nixtieq ngħinek imma le mhijiex raġuni valida pero din ir-raġuni mhux valida rikbet l-Ewropa kollha.”
George Buttigieg qal li l-emenda għandha tiġbor fiha wkoll li ma tħallix ir-responsabbilita’ kollha f’idejn it-tabib iżda li jkun hemm kumitat magħmul minn professjonisti f’sitwazzjonijiet rari meta l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu. Huwa qal li preżentament l-emenda żgur mhux qed tipproteġi lil omm, lit-tarbija fil-ġuf u wisq anqas lit-tobba iżda l-emenda qed tmur kontra n-natura.
Buttigieg tkellem ukoll fuq il-każ ta’ Prudente fejn qal li dawk favur l-abort qed jistaqsu x’ċans kellha dik it-tarbija li tgħix. Huwa sostna li ntqal ħafna gideb dwar il-każ tagħha u sostna li t-tarbija kellha ċans ssalva.
Il-professjonist George Buttigieg saħaq li jiġri x’jiġri fuq din l-emenda l-gwerra kontra l-abort mhi se tieqaf qatt.
Fi tmiem id-diskors tiegħu huwa sostna li l-Maltin urew biċ-ċar li ma jridux li l-abjad tal-baniera Maltija tiġi mtebba bid-demm tal-innoċenti.
//= $special ?>