Ewropa Lokali

Ir-riformi ta’ Roberta Metsola jintlaqgħu b’mod pożittiv

Gazzetti u kmamar tal-aħbarijiet ewlenin madwar l-Ewropa fosthom Euronews, le Monde fi Franza, u Repubblica fl-Italja, lkoll taw prominenza lill-programm ta’ 14-il proposta li ppreżentat il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola lill-mexxejja tal-gruppi politici fl-istess istituzzjoni.

“Il-proposti intlaqgħu tajjeb mill-gruppi politiċi kollha” qal il-ġurnal Le Soir, li ġie rifless ukoll fil-ġurnali ewlenin l-oħra, li żied li Roberta Metsola kisbet mandat mill-mexxejja tal-gruppi politiċi kollha biex tirriforma l-Parlament. L-MEP Maltija qed tisħaq li trid ssaħħaħ ir-regoli fil-Parlament malajr kemm jista jkun biex tipproteġi l-integrità tal-istituzzjoni, kif anke stqarret f’intervista ma Euronews.

Il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew qed jgħarbel kollox – il-mod kif jiġu nnegozjati ir-riżoluzzjonijiet li jiġu approvati biex jagħmlu bidla għall-aħjar fil-ħajja taċ-ċittadini ewropej,u t-tisħiħ tar-reġistru ta’ trasparenza.

Mexxejja tal-gruppi politiċi fosthom tal-Partit Popolari Ewropew u tas-Soċjalisti laqgħu l-proposti imressqa mill-President Metsola, b’tal-aħħar ġiet kwotata tgħid minn ġurnali fosthom Politico, li dan hu pass fid-direzzjoni t-tajba u li wieħed irid jibqa jibni fuqu, kif fuq kollox stqarret il-kelliema tas-soċjalisti waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ġimgħa.

F’riformi li ppreżentat il-Ħamis lill-mexxejja tal-gruppi politiċi fi ħdan il-Parlament, Roberta Metsola żammet kelmtha u poġġiet fuq il-mejda tad-diskussjoni dik li qed tiġi meqjusa bħala l-ikbar riforma li saret fl-istituzzjoni Ewropea f’ġenerazzjoni. It-tibdil jinkludi aktar trasparenza dwar dak li jkunu qed jagħmlu l-MEPs, fosthom ma min jiltaqgħu, żjarat lejn pajjiżi terzi u x’inhuma r-raġunijiet għaż-żjarat, il-projbizzjoni ta’ għaqdiet mhux uffiċjali li jiffurmaw l-MEPs bejniethom ma’ pajjiżi terzi, kif ukoll dikjarazzjoni li għandhom jagħmlu l-politiċi qabel jieħdu f’idejhom l-innegozzjar ta’ liġi.