Internazzjonali

L-Istati Uniti: Miljuni ta’ nies fuq allert għall-għargħar f’Kalifornja

Madwar 25 miljun persuna fl-Istat ta’ Kalifornja jinsabu fuq allert assolut– magħruf bħala flood watch – meta l-elementi ħorox minn sensiela ta’ maltempati qegħdin iħallu wkoll numru ta’ vittmi.

L-awtoritajiet qalu li l-ilma tal-waterways issa faqgħu l-art u li l-maltempati swew il-ħajja ta’ mill-anqas 20 persuna – b’eluf ta’ residenti jingħataw direttivi biex jabbandunaw djarhom minħabba l-periklu.

L-inżul tax-xita mhu qed jaqta’ xejn fil-belt ta’ Montecito, lejn il-majjistral minn Los Angeles u l-madwar, bir-residenti jirrakkuntaw dwar sitwazzjoni ferm trawmatika għalihom. Fl-2018, f’Montecito, kienu mietu talanqas 23 b’kaġun tal-valangi tal-art u ħafna mir-residenti huma inkwetati li kapaċi jmisshom dan id-destin kiefer.

Sadanittant, il-voluntiera f’Santa Barbara – fosthom il-Gvernatur ta’ Kalifornja Gavin Newsom – qed itellgħu l-ħitan tal-ixkejjer bħala ilqugħ kontra l-għargħar potenzjali, b’din iz-zona qed titqies bħala hot-spot għall-mewġ tal-ilma li mistennija jgħarrqu l-inħawi matul il-jiem li ġejjin.