Internazzjonali

L-Ukrajna: Tkompli x-xita tal-missili fuq l-infrastruttura tal-enerġija

Il-qawwiet tar-Russja qed ikomplu bil-baraxx ta’ missili fuq id-diversi bnadi tal-Ukrajna fejn intlaqtu mill-ġdid il-faċilitajiet li jiġġeneraw id-dawl għall-poplu Ukren.

Sadanittant, mifhum li nqatlu talanqas 30 meta l-missili tar-Russi laqtu blokk ta’ appartamenti fil-belt ta’ Dnipro, lejn il-lvant tal-Ukrajna. Fl-istess ħin kienu wkoll sparati missili lejn diversi bliet Ukreni oħra, fosthom Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna; Kharkiv u Odesa.

L-impatt tal-missili fi Dnipro kien tassew terribbli, b’diversi sulari tal-bini jispiċċaw f’irmied u bl-awtoritajiet anki jirrappurtaw viċin it-80 midruba, fosthom 15-il tifel u tifla. Dan ukoll meta din l-isparatura tal-missili qed titqies bħala l-agħar attakk mill-Armata Russa għal dawn l-aħħar xhur.

Il-parti kbira tal-Ukrajna, illum, tinsab taħt blackout ta’ emerġenza peress li l-infrastruttura għall-enerġija fid-diversi bliet Ukreni tinsab taħt assedju kontinwu.

Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, qal li l-attakki tar-Russi fuq iċ-ċivili Ukreni jistgħu jieqfu biss jekk kemm-il darba l-pajjiżi tal-Punent, sieħba ta’ Kiev, jissupplixxu lill-qawwiet Ukreni bl-armamenti ‘state of the art’ neċessarji biex ikomplu jiddefendu ruħhom.

Fl-aħħar sigħat, ir-Renju Unit impenjat ruħha biex tibgħat it-tankijiet tal-gwerra tat-tip Challenger 2 lill-Ukreni bil-għan dawn ikunu jistgħu jirreżistu aħjar lir-Russi  fuq il-kampijiet tal-battalja.

Il-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, qal li dawn iċ-Challengers, bħala l-aktar tankijiet avvanzati tal-Armata Britannika, għandhom jgħinu biex l-Ukreni jitfgħu lura lir-Russi mill-artijiet li qegħdin jokkupaw fl-Ukrajna.

Min-naħa tagħhom, il-kelliema tar-Russja qalu li l-azzjonijiet tal-militar Russu fl-Ukrajna għandhom jiżdiedu b’mod sinifikanti f’sitwazzjoni fejn il-pajjiżi jipprovdu aktar armamemtni lill-Ukrajna. L-istess kelliema tennew ukoll li sitwazzjoni bħal din għandha twassal anki għal żieda sostanzjali fil-vittmi ċivili fl-ibliet Ukreni.