Arsenal komplew iżidu l-vantaġġ f’ras il-klassifika wara rebħa, 2-0, fuq ir-rivali eterni Tottenham Hotspur fin-North London derby. B’din ir-rebħa, il-Gunners – li kienu ilhom mill-2014 ma jirbħu f’The New White Hart Lane — għamlu pass kbir ieħor lejn ir-rebħ tal-ogħla kampjonat meta għandhom tmien punti aktar miċ-Champions Ingliżi Manchester City li jinsabu t-tieni fil-klassifika.
Mhemmx dubju li Arsenal kien jimmeritahom din ir-rebħa anki jekk il-gowlkiper ta’ Spurs, Hugo Lloris, kellu tort kbir fiż-żewġ gowls skurjati kontra t-tim tiegħu fl-ewwel taqsima. Għaldaqstant, il-Gunners ta’ Mikel Arteta approfitttaw bis-sħiħ mit-telfa tas-Citizens ma’ Manchester United fid-derby ta’ Manchester li ntlagħbet is-Sibt wara nofsinar.
L-ewwel gowl ta’ Arsenal wasal meta Bukayo Saka, filwaqt li ssikkat minn Ryan Sessegnon, ipprova kross minn angolu diffiċli u b’Lloris (14), kontra kull mistenni, jikkalkula ħażin biex jixħet fix-xibka tiegħu stess għal ‘soft gowl’ inkredibbli.
Qabel il-mistrieħ, l-iskor sar 2-0 meta l-captain ta’ Arsenal Martin Odegaard (36) sab ir-rokna tax-xibka b’xutt mill-bogħod – u li reġa’ qabad lil Lloris fuq sieq waħda.
Spurs tjiebu wara l-mistrieħ iżda sabu lill-gowlkiper tal-Gunners, Ramsdale, f’vena formidabbli u fejn hu wettaq saves diffiċli fuq it-tentattivi ta’ Harry Kane, Sessegnon u Kulusevski – bir-riżultat ma jinbidilx.
Tottenham b’hekk baqgħu l-ħamsa fil-klassifika iżda b’distakk ta’ ħames punti ma’ Manchester United u fejn huma lagħbu logħba aktar mir-Red Devils.
Newcastle United reġgħu qabżu t-tielet fil-klassifika grazzi għal gowl ‘in-extremis’ skurjat mis-sostitut Alexander Isak f’konfont movimentat ma’ Fulham — u wara tmiem tassew drammatiku li patta għan-nuqqas ta’ azzjonijiet fl-ewwel 45 minuta. Intant, Newcastle issa jinsbu fuq 38 punt, l-istess bħal Man United, u meta l-Geordies ukoll lagħbu logħba aktar mir-Reds ta’ Manchester.
Isak, li kien qed jirritorna wara injury fit-tul, kien fil-post eżatt (89) biex isammar ġewwa bir-ras kważi minn fuq il-linja wara li sieħbu Callum Wilson approfitta mill-indeċiżjoni ta’ Fulham biex jgħaddilu l-ballun fuq platt għal tliet punti oħra prezzjużi.
Madankollu, Fulham jistgħu jħossuhom sfortunati li ma ħadu xejn mil-logħba wara li ddefendew b’għaqal għal ħafna ħinijiet u anki tilfu penalty minn Aleksandar Mitrovic li żelaq fil-ħin tax-xutt mill-ħdax-il metru– u bil-ballun jaħbat ma’ siequ l-wieqfa. Għalkemm Mitrovic skorja, il-gowl ma kienx ikkonvalidat minħabba r-regola li jesiġi li l-ballun ma jistax jaħbat mas-‘standing leg’ tal-plejer li jkun ħa r-responsabbiltà għall-penalty.
Fl-aħħar tal-logħba, ir-referi niżżel isem il-manager ta’ Fulham Marco Silva fil-ktieb wara li dan ipprotesta bl-aħrax dwar ċerti deċiżjonijiet tal-uffiċjali — bl-‘unbeaten run’ tal-Cottagers issa, jintemm wara ħames logħbiet.
Chelsea ħadu ftit tan-nifs wara l-aħħar riżultati diżastrużi, b’rebħa diffiċli, 1-0, fuq Crystal Palace f’derby oħra ta’ Londra li ntlagħbet fi Stamford Bridge.
Ir-riżultat ineħħi ftit tal-pressjoni minn fuq il-manager tal-Blues, Graham Potter, iżda Chelsea xorta għadhom qed jokkupaw l-għaxar post wara li kisbu biss żewġ rebiet mill-aħħar għaxar konfronti fil-Premier League — u mieta fil-preżent għandhom l-istess punteġġ bħal Liverpool (it-tim fid-disa’ post tal-klassifika’.
Il-gowl li deċieda l-logħba wasal fl-64 minuta meta Kai Havertz daħal tajjeb għall-kross ta’ Hakim Ziyech biex temm is-sekwenza ta’ tlett telfiet konsekuttivi għal Chelsea fil-kompetizzjojnijiet kollha.
L-attakkant Ġermaniż seta’ irdoppja għal Chelsea iżda tilef iċ-ċans b’daqqa ta’ ras li għaddiet barra fuq il-kross insidjuż ta’ Mason Mount.
Palace marru qrib id-dro fl-aħħar ħinijiet meta x-xutt bomba ta’ Cheick Doucoure ipproduċa save mill-aqwa mill-gowlkiper ta’ Chelsea Kepa Arrizabalaga.
Sadanittant din it-telfa tfisser li l-Eagles ta’ Patrick Vieira jinsabu fit-12-il post tal-Premier League Ingliż wara li huma sofrew il-ħames telfa f’sitt logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha.
//= $special ?>