Agħfas fuq hawnhekk biex issegwi.
“Il-Maltin urew biċ-ċar li ma jridux l-abjad tal-bandiera jiġi mtebba bid-demm innoċenti” – George Buttigieg
Waqt laqgħa pubblika bit-tema, ‘Iva, favur il-ħajja’ il-professjonist George Buttigieg qal li din il-ġlieda m’għandiex tiġi politizzata filwaqt li rringrazzja lil dawk li vvutaw kontra l-emenda.
Huwa saħaq pajjiż li s’issa dejjem ipproteġa lil vulnerabbli kif ukoll it-tarbija fil-ġuf
Niftakru f’dawk l-ommijiet li jfittxu l-abort ghaliex ikollhom problemi kbar u allura rridu nagħtuhom l-ghajnuna.
L-emenda ghandha tiġbor fiha wkoll li tħallix ir-responsabbilita’ kollha f’idejn it-tabib iżda li jkun hemm kumitat maghmul minn professjonisti.
Il-Maltin urew biċ-ċar li ma jridux li l-abjad tal-baniera Maltija jiġi mtebba bid-demm tal-innoċenti

“Tarbija fil-ġuf u tarbija li tkun għadha kif twieldet hija l-istess” – Daniela Zerafa
Waqt laqgħa pubblika, ‘Iva, favur il-ħajja’ il-professjonista Daniela Zerafa qalet li dawn in-nisa li jfittxu l-abort ikunu għaddejjin minn sfidi kbar fosthom problemi tad-droga, vjolenza domestika, faqar, problemi ta’ housing fost affarijiet oħra. U allura, lil dawn in-nisa rridu nkun hemm għalihom għaliex l-abort mhuwiex is-soluzzjoni.
Hija sostniet li hemm bżonn id-dritt għall-ħajja mħarrsa għall-ulied.
Daniela Zerafa qalet li t-tfal li tieħu ħsieb li jinsabu fil-fostering tgħidilhom; “Kieku ommok ma tatekx il-ħajja m’għandekx vuċi jew opinjoni għaliex l-omm tagħti l-ħajja u l-ewwel dritt li huwa propju tal-ħajja.”
Hija qalet li t-tfal kollha għandhom dritt jikbru f’imħabba u għożża għaliex anke jekk l-omm għandha diversi sfidi hemm soċjeta li lesta tieħu ħsieb lil uliedhom f’mumenti li huma ma jistgħux.
Daniela Zerafa fi tmiem tad-diskors tagħha aċċennat li t-tarbija fil-ġuf u tarbija li tkun għadha kif twieldet hija l-istess. U allura, din l-emenda hija ta’ insult għal dawn in-nisa.

“L-ebda marda ma tista tkun imfejqa bl-abort” – Peppi Azzopardi
Waqt il-laqgħa pubblika Peppi Azzopardi rrakkonta storja dwar koppja maskili li damu is-snin jistennew sabiex jadottaw fejn meta kellhom iċ-ċans huma adottaw tifel b’abbiltajiet speċjali dan għaliex l-ebda koppja oħra ma riditu. Illum il-ġurnata dan it-tifel għandu 7 snin.
Peppi qal li wieħed mill-missirijiet qed jinkwieta għaliex jekk tidħol din l-emenda se joqtlu tfal bħal ibnu. “Kif se ngħid lil ibni meta jsaqsini għalfejn qed jinqatlu t-tfal, qed jinqatlu tfal li huma bħalu.”
Waqt id-diskors tiegħu huwa qal; “Nistaqsi lill-Gvern…lil dawk l-immigranti li qed jaħarbu mill-Libja mhux qed tinkwieta fuq saħħithom. Għala qed tibgħathom lura lejn il-Libja meta lill dawn l-immigranti l-Libja jistuprawhom. B’hekk qed tibżgħu għal saħħithom?”
Peppi sostna li l-ebda marda ma tista titfejjaq bl-abort kif ukoll l-abort qatt ma huwa soluzzjoni. Huwa qal li jekk mara tinsab tqila iżda hija fqira għandna neqirdu l-faqar u mhux neqirdu lit-tarbija fil-ġuf.
Fl-aħħar tad-diskors tiegħu Peppi għamel appell sabiex tingħata l-għajnuna lill-mara u lit-tarbija flimkien għaliex dejjem għandna nkunu favur iż-żgħir.

“Kull ħajja għandha tiġi ċċelebrata” – Miranne Sapiano
Waqt il-laqgħa pubblika Miranne Sapiano tkellmet fuq esperjenza ta’ raġel ta’ 47 sena li kien adottat fejn dan ir-raġel japrezza l-fatt li l-omm bijoloġika tiegħu tagħtu l-ħajja iżda fl-istess waqt hu ma jħoss xejn aktar għaliha.
Huwa qal li kieku ommu ma welditux, huwa qatt ma kien isib familja li wrietu mħabba u għożża kbira. Kieku ma kienx għall-omm bijoloġika tiegħu huwa qatt ma kien ikollu t-tfal.
Sapiano saħqet li kull ħajja għandha tiġi ċċelebrata għaliex kull ħajja hija prezzjuża u ħaqqha ċ-ċans għal dak kollu li toffri l-ħajja.
Hija temmiet id-diskors tagħha hekk kif saqsiet; “jekk anke fil-funerali niċċelebraw il-ħajja mela għalfejn ma niċċelebrawx dik il-ħajja li tkun għadha kif bdiet?” U b’dik il-mistoqsija hija reġgħet għamlet l-appell tagħha li għandna nilqgħu kull ħajja f’din id-dinja u mhux neqirduha permezz tal-abort.
