Eks deputat parlamentari Afgana u l bodyguard tagħha nqatlu fir-residenza tagħha, minn attakkanti li sa issa għadhom mhux magħrufa. Mursal Nabizada ġiet attakkata fid-dar tagħha fil-kapitali Kabul. Hija kienet fost il-ftit membri parlamentari nisa li baqgħu f’Kabul wara li t-Taliban ħatfu l-poter f’Awwissu 2021, wara l-irtirar tal-Istati Uniti.
Huwa magħruf li Mursal Nabizada u l-bodyguard tagħha nqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu tas-Sibt. Fl-isparatura weġġgħu ħu Mursal Nabizada u gwardjan tas-sigurtà, filwaqt li gwardjan ieħor ħarab minn fuq il-post bi flus u ġojjelli.
Mursal Nabizada mietet fl-ewwel sular tar-residenza tagħha li kienet ilha tuża bħala uffiċċju. Intant il-pulizija għaddejja b’aktar investigazzjonijiet. Sa’ issa għadu mhux magħruf il-mottiv wara l-isparatura.
Mursal Nabizada ġiet eletta biex tirrappreżenta Kabul fl-2019. Hija baqgħet fil-kariga sakemm it-Taliban ħa l-kontroll. Kienet ukoll membru tal-kummissjoni tad-difiża parlamentari u ħadmet fi l-Istitut għall-Iżvilupp u r-Riċerka tar-Riżorsi Umani.
//= $special ?>