Nasser Al-Attiyah żamm it-titlu tar-Rally Dakar meta lbieraħ aċċerta mill-ħames rebħa tiegħu f’dan ir-Rally.
Kien suċċess għall-koppja Al-Attiyah u l-codriver tiegħu Mathieu Baumel fuq Toyota, fejn fid-disa’ Rally Dakar li ħadu sehem fihom kisbu ħames rebħiet u spiċċaw fit-tieni post fl-erba’ edizzjonijiet l-oħra.
Al-Attiyah kien fil-quċċata tal-klassifika għall-aħħar tlettax-il ġurnata minn ħmistax ta’ dan ir-Rally. Il-vantaġġ ta’ Al-Attiyah fuq it-tieni klassifikat Sebastian Loeb kien ta’ 80 minuta, l-ikbar vantaġġ li kien hemm għal dawn l-aħħar għoxrin sena. Minkejja dan id-distakk, ir-rebħa ta’ Al-Attiyah ma kinitx waħda faċli speċjalment fl-ewwel jiem ta’ dan ir-Rally, fejn kellu sfida denja minn Stephane Peterhansel,Yazeed Al Rajhi u Carlos Sainz. Iżda dawn kollha kellhom inċidenti fis-sitt stadju u kellhom jirtiraw.
Sfortunatament kellna mewt ta’ spettatur li ntlaqat minn trakk, fejn din kienet il-ħames mewta minn meta r-Rally Dakar kien trasferit fl-Arabja Sawdija sentejn ilu. Fil-kategorija tal-muturi kien issewwieq Arġentin Kevin Benavides li fuq mutur KTM rebaħ għat-tieni darba dan ir-Rally.
//= $special ?>