Minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela għadu sal-lum jilgħab bid-diskors u jostor il-verità dwar l-emenda li jrid imexxi ‘l quddiem għat-terminazzjoni tat-tqala…ankè skont l-eks Ministru Laburista Evarist Bartolo….il-Labour irid idaħħal l-abort fil-pajjiż.
Dan hekk kif solitu jagħmel, l-eks Ministru tal-Edukazzjoni u tal-Affarijiet Barranin, tkellem fuq il-midja soċjali biex jistaqsi jekk bil-mod kif qed tiġi trattata din il-kwistjoni tal-abort hux qed jixxaqaq il-blokk tal-Partit Laburista.
Dan filwaqt li Bartolo ma eskludix li jekk mhux se jkun qiegħed jinstab qbil dwar l-emenda mressqa mill-Gvern tal-Labour, jista’ jkun li l-Partit Laburista ikompli jnaqqas l-appoġġ.
Għal darb’oħra huwa rrefera għal din il-kwistjoni, bħala dik tal-abort u sostna li jista’ jkun li tibda tirrifletti fl-appoġġ popolari bħall-kwistjoni tad-divorzju.
Bosta kienu dawk li kkumentaw fejn saħqu li l-Partit tal-Labour sar dak tal-opportunisti, oħrajn saħqu li l-laburisti mal-partit preżenti mhux qed jiġu kkalkulati. Dan filwaqt li persuni oħrajn sostnew li l-Partit Laburista ilu jixxaqqaq bil-pappa tmur għal tal-klikka …u ż-żgħir imdejjaq bil-paroli biss.
Fl-aħħar xhur u ġimgħat diversi persuni, anke qrib il-Partit Laburista, kienu voċiferi kontra l-emenda li jrid idaħħal Robert Abela; fosthom l-eks Ministru u President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca kif ukoll l-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat.
Matul il-jiem li għaddew il-Ministru Chris Fearne ħabbar li kienu se jsiru xi tibdiliet fl-emenda – liema tibdiliet s’issa għadhom mhux magħrufa.
L-emenda għadha fi stadju ta’ Kumitat, u mhux magħruf meta dan se jkun qiegħed jitlaqqa’.
