Internazzjonali

Il-Ġermanja: Tirriżenja minn Ministru wara sensiela ta’ nuqqasijiet

Christine Lambrecht irriżenjat minn Ministru tad-Difiża wara sensiela ta’ nuqqasijiet minn aspett ta’ relazzjonijiet pubbliċi. Dan meta l-Gvern tal-Ġermanja jinsab taħt pressjoni kbira biex jippermetti t-trasferiment tat-tankijiet tal-gwerra ta’ manifattura Ġermaniża għad-difiża tal-Ukrajna.

Lambrecht – membru tal-Partit SPD tal-Kanċillier Olaf Scholz — spiċċat redikolata wara li ħabbret li l-Ġermanja kienet qed tibgħat mal-5,000 elmu militari bħala appoġġ lill-Ukrajna. Hi kienet anki kritikata talli naqset milli tgħolli l-livell tal-qawwiet Ġermaniżi minkejja investiment ta’100 biljun ewro fl-Armata wara l-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet Russi.

Hi lanqas ma dehret tajba f’għajnejn il-pubbliku wara li kienet ħadet magħha lil binha għal vjaġġ b’ħelikopter militari. U Lambrecht, kompliet titlef l-appoġġ politiku meta dehret fuq filmat għal Lejliet l-Ewwel tas-Sena u tkellmet dwar il-laqgħat personali pożittivi li kellha waqt il-gwerra fl-Ukrajna – waqt li warajha fl-isfond kien għaddej spettaklu bil-logħob tan-nar.

Christine Lambrecht suppost li kellha tiltaqa’, nhar il-Ġimgħa, ma’ Ministri tad-Difiża oħrajn mill-Istati tal-Punent alleati mal-Ukrajna. Il-laqgħa dwar l-appoġġ lill-Ukrajna se ssir fil-bażi militari tal-Amerikani f’Ramstein u meta l-Gvern Ġermaniż qed ikun imħeġġeġ biex jibgħat it-tankijiet tat-tip Leopard 2 bħala għajnuna kruċjali lill-Ukreni biex jirreżistu lill-qawwiet ta’ Vladimir Putin.

Min-naħa tiegħu, il-Kanċillier Scholz, li kien ilu x-xhur jiddefendi l-kritika għall-politika kawta tiegħu rigward l-Ukrajna, issa qabel biex jissupplixxi l-vetturi militari lill-Ukreni.