Lokali Parlament

Il-gvern qed inaqqas il-fiduċja fil-politika

Robert Cutajar, PN

Il-Whip tal-Oppożizzjoni u deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament li bl-emenda dwar il-ħatra tal-Kummissarju għall-Istandards, il-gvern qed inaqqas il-fiduċja fil-politika.

Robert Cutajar qal li l-PN irid jibgħat messaġġ lill-Gvern meta l-ġimgħa li għaddiet, sejħet kworum minħabba li l-gvern kellu biss erba’ deputati fil-parlament; kif għandu propju f’dan il-mument fil-parlament.

Hu sostna li fil-parlament dak il-ħin hemm biss membru wieħed fil-Kabinet u qal li kien il-gvern stess li ried li l-Kummissarju għall-Istandards ikun diskuss propju t-Tnejn filgħodu iżda hu stess mhux jattendi għad-dibattitu. Hu fakkar li għal-laqgħa tal-Kummissarju għall-Istandards tal-Parlament Ingliz li kienet saret f’Malta ħadd mill-gvern ma kien attenda. Dan juri n-nuqqas ta’ rispett lejn din l-istituzzjoni.

Kemm ilu mwaqqaf l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards kien hemm esponenti tal-Gvern li attakkaw lill-ex Kummissarju George Hyzler minħabba li kien qed jagħmel xogħolu sew. Hu qal li l-Oppożizzjoni ressqet proposta biex ir-rapport tal-Ombudsman jiġi diskussi fil-plenarja; iżda dwar dan ma kienx hemm reazzjoni mill-gvern.

Dan meta dan ir-rapporti tal-Ombudsman jkunu fil-fatt ilmenti tal-poplu, sostna Robert Cutajar, li kompla li kien il-PN li pprpona l-Kummissarju għall-Istandards iżda l-gvern Laburista dam sitt snin biex daħħlu.

Hu tkellem dwar l-importanza li l-politiċi jibgħatu messaġġ pożittiv fis-soċjetà biex ikun hemm il-kredibbiltà meħtieġa fil-politika. Robert Cutajar appella lill-pesuna nominata għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards biex ma jaċċettax din il-kariga għax m’għadux il-fiduċja ta’ żewġ terzi tad-deputati. Il-persuna nominata għandha tifhem din is-sitwazzjoni, sostna Robert Cutajar, li appella biex jinstab kompromess.