Lokali Parlament

Il-parlament isellem lil omm il-Kap tal-Oppożizzjoni; mara ta’ valuri li wettqithom

Il-parlament sellem lil Frida Grech, omm il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech li mietet ftit ilu u ddeskriviha bħala mara ta’ valuri li mhux biss emmnet fihom iżda wettqithom fil-prattika.

F’din it-tifkira tkellmu l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar. Għal din it-tifkira attendew fil-parlament il-familjari ta’ Frida Grech.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li t-telfien tal-ġenituri dejjem ikunu mumenti ferm diffiċli u kompla li meta f’Settembru li għadda meta miet missieru kien ħaseb li sab is-sular t’isfel tad-dwejjaq iżda meta mietet ommu nduna li kien sab sular ieħor.

Hu kompla li l-familja Grech kienet waħda tal-familja li ħadmet biex rabbiet il-familja li għamlet suċċessi tagħha. Kellha karattru li kien jiddefiniha, sostna Bernard Grech, li qal li l-fatt li n-neputijiet refgħu t-tebut kien messaġġ qawwi skont it-twemmin tal-familja.

Hu sostna li ommu u missieru huma l-ġenerazzjoni ta’ dawk li għexu l-gwerra u kienu żgħażagħ meta faqqgħet il-gwerra. Din kienet ġenerazzjoni importanti li tat ħafna lil dan il-pajjiż.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jsir kemm isir investment fis-settur tal-anzjani, xejn ma jista’ jifdi dak li huma wettqu għall-pajjiż.

L-Ispeaker Anġlu Farruga ngħaqad maż-żewġ naħat fil-kondoljanzi u sostna li l-omelija ta’ Fr.Charles Tabone fil-quddiesa tal-funeral ta’ Frida Grech kienet waħda impressjonanti għaliex fiha tkellem dwar l-importanza tal-fidi Kattolika u l-valuri fis-soċjetà.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li missier u omm il-Kap tal-Oppożizzjoni kienu pijunieri tal-Malta Prison Fellowhsip billi kienu jwasslu messaġġ ta’ spiritwalità fost il-priġunieri.

Hu qal li Frida Grech kienet mara li tuża l-ħin tagħha biex tagħti lil ħaddieħor. Id-dedikazzjoni tal-politiċi ġejjin mill-ġenituri, sostna d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li kompla li l-ewwel impenn tal-ġenituri tal-Kap tal-Oppożizzjoni kienu l-familja u l-valuri.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li hu diffiċli li persuna titlef liż-żewġ ġenituri f’erba’ xhur kif ġralu l-Kap tal-Oppożizzjoni. Hu kompla li Frida u John Grech mhux biss ħaddnu l-valuri tal-familja, tal-volontarjat, solidarjetà u rispett iżda wettquhom fil-ħajja tagħhom waqt li għaddewhom lil uliedhom.