“Tilħaq mhux tmut!”
Telefonata wara l-oħra… ilment wara l-ieħor.
Kulħadd qed jaqsam maghna esperjenzi fejn pazjenti qed iqattgħu is-sigħat jistennew fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei, minkejja li l-kundizzjoni ta’ saħħithom kienet sejra lura. B’anzjan jgħidilna li spiċċa qatta’ 18-il siegħa jistenna fil-waiting room tal-emerġenza… liema esperjenza jkollu jgħaddi minnha darba kull xahar hekk kif kawża ta’ kundizzjoni li għandu, isofri minn infezzjonijiet fil-prostita.
“L-ewwel darba qattajt 18-il siegħa,” qal l-anzjan. “Imbagħad erġajt mort xi xahar wara u domt xi 12-il siegħa nistenna. Itik li taqbad it-triq u titlaq, u jiġri li jrid. Jekk immut, immut.”
Persuna oħra qaltilna illi ħadet lill-ommha l-Isptar minħabba uġigħ kbir li kienet qed issofri minnu fejn mhux talli kellhom jistennew is-sigħat biex jinqdew, iżda saħansitra intalbu biex jistennew fil-karozza minħabba li l-waiting room tal-emerġenza kienet mimlija.
“Kelli nħalli lil ommi weħidha għax bagħatuni nistenna fil-karozza bla ma naf x’kien qed jiġri,” qal ir-raġel. “Ma kienx hemm post fejn joqgħodu n-nies minħabba li l-waiting rooms kienu mimlijin stretchers.”
F’dan il-każ, l-istennija kienet tant twila li l-pazjenta spiċċat tbati minn riperkussjonijiet għal dan kollu.
“Laqħet mietet biċċa mill-musrana ż-żgħira tant li kellhom ineħħulha daqs 15-il ċentimetru,” qal dan ir-raġel. “Daqs riga żgħira. Mhux ċajta.”
Ħafna jinsabu frustati għall-mod kif is-saħħa tan-nies qed tkun kompletament injorata. Filwaqt li t-tobba u l-infermieri qed isofru minn pressjoni enormi minħabba li l-Gvern mhux isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ staff.
“Qatt ma niftakar ministru agħar minn Chris Fearne,” temm jgħid l-anzjan.