“Nixtiequ Ma nifhmu, kif fix-xjuħitek bqajt tindokra ħsibijietna kull waqt, ikun xi jkun. Stinkajna kemm stinkajna, inħalsu lura dejna ta’ kemm int għamilt magħna, ma nistgħu nifduħ qatt.”
Din hija silta mill-messaġġ li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wassal fil-Parlament meta t-Tnejn wara nofsinhar, il-Kamra tar-Rappreżentanti sellmet il-memorja ta’ ommu Frida Grech; messaġġ f’forma ta’ poeżija li tfakkar il-memorja tal-antenati li ġew qabilna, u li mingħajrhom Malta ma kinitx se tkun kif nafuha llum.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Bernard Grech sellem il-memorja ta’ ommu fejn saħaq li hi – għalkemm għazlet li taħdem id-dar full-time u forsi għal ħafna ma kinitx titqies bħala mara ta suċċess – rabiet il-familja f’għożża u rawmet valuri sodi.
Il-Kap tal-PN irrangrazzja lill-ommu tal-għożża, l-imħabba u t-tagħlimiet li tatu matul ħajjitha.
Min-naħa tiegħu, il-Whip tal-Grupp Parlamentati Nazzjonalista Robert Cutajar filwaqt li estenda l-kondoljanzi lill-Kap tal-PN u l-qarba tiegħu f’mument daqstant diffiċli, fakkar kif Frida Grech kienet mara li mhux biss tkelmet fuq valuri ewlenin imma għexithom u għaddithom lill-familja kollha.
Fost ħafna valuri li Frida Grech kellha għal qalbha, kien hemm il-familja, il-volontarjat, s-solidarjeta u fuq kollox il-valur tar-rispett.
Minn naħa tiegħu, id-deputat Prim Ministru Chris Fearne, fakkar kemm Frida Grech kif ukoll ir-raġel tagħha kienu involuti fil-Malta Prison Fellowships – u insista kif hi kienet mara illi tgħin, u mara li sservi lil ħaddieħor. Tkellem ukoll l-ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anglu Farrugia fejn tenna li Frida Grech ma kinitx mara ordinarja. Anġlu Farrugia fakkar kif l-ezempji tajbin li mxiet bihom tul ħajjitha rat kif għamlet sabiex tgħaddihom lill-familja.
//= $special ?>