Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-aġir tal-Gvern Laburista li, minflok sistema kompetittiva tat-tenders u tal-akkwist pubbliku, qed jibqa’ jħaddem sistema li bl-aktar mod abbużiv tagħti d-direct orders li jiswew l-eluf tal-ewro, u xi drabi l-mijiet tal-eluf u l-miljuni, lil tal-qalba mingħajr ma ssir sejħa pubblika.
Id-Deputat Parlamentari Nazzjonalista Ivan Bartolo sostna li dan qed iwassal biex minflok ma n-negozji tagħna jkollhom ċans indaqs għal dawn il-fondi pubbliċi u jipprovdu prezzijiet kompetittivi għall-poplu Malti, il-Gvern Laburista qed jaqbad jagħti l-kuntratti lil tal-qalba mingħajr sejħa. Ħafna drabi, bl-aktar mod sfaċċat, il-Gvern ta’ Robert Abela qed jaqsam l-ammonti f’biċċiet biex idur mal-Liġi, jevita l-proċess tat-tender u jagħti l-kuntratt lil ta’ ġewwa.
Il-poplu mhux jieħu valur għal flusu. Mhux biss mhux joħorġu tenders meta suppost, iżda l-kumpaniji qed jaqtgħu qalbhom li jikkompetu għax jafu li jkunu qed jaħlu l-flus u l-ħin.
Il-Partit Nazzjonalista esprima t-tħassib tiegħu li l-abbuż tal-Awtorità tad-Djar żvelat minn The Shift News hu ieħor fost lista twila ta’ abbużi li qed joħorġu ta’ kuljum. Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jemmen fil-ftuħ u fl-ekwità ħalli jgawdu n-negozji kollha, se jibqa’ jitħabat kontra dan l-abbuż fil-fondi pubbliċi.
Hu inaċċettabbli li trid tkun tal-qalba, kanvażer tal-Ministru jew xi finanzjatur tal-Labour biex jirnexxilek taċċessa l-fondi pubbliċi. Il-Ministru Roderick Galdes għandu ħafna xi jwieġeb għal dan l-aġir. U Robert Abela x’se jagħmel fil-konfront ta’ Ministru ieħor minn tiegħu li reġa’ nqabad jabbuza mill-poter li tah?
Il-Partit Nazzjonalista sostna li se jibqa’ kommess, b’mod partikolari bil-ħidma parlamentari, biex jingħata rendikont għal dawn l-abbużi u l-Ministri jwieġbu għal għemilhom.
//= $special ?>