Internazzjonali

Tmut l-attriċi Gina Lollobrigida fl-eta’ ta’ 95 sena

Ritratt: ANSA

Tħabbret il-mewt tal-attriċi Taljana ta’ fama internazzjonali, Gina Lollobrigida imwielda f’Subiaco fl-4 ta’ Lulju 1927. Hija kellha 95 sena.

Lollobrigida ħadmet ma’ wħud mill-akbar diretturi Taljani bħal Vittorio De Sica u Mario Monicelli. Rebħet diversi unuri importani fosthom Golden Globe, seba’ David di Donatello u żewġ Nastri d’argento.

Fost l-aktar films magħrufa tagħha insibu “Pane, amore e fantasia” ta’ Dino Rossi.


F’għeluq il-95 sena tagħha, f’Lulju li għadda, Lollobrigida stqarret li kienet determinata li tibqa’ kreattiva bi proġetti tal-fotografija u tal-arti wara għexieren ta’ snin meqjusa bħala sex symbol.

Din id-diva taċ-ċinema, imsejjħa wkoll “l-isbaħ mara tad-dinja” wara film ta’ suċċess fl-1955 li ħadmet ma’ Vittorio Gassman, kient qalet ukoll li għada taħdem kontinwament, u tħoss li għad fadlilha ħafna x’tgħid filwaqt li kienet tittama li fadlilha biżżejjed żmien biex tikseb dak kollu li tixtieq.

Gina Lollobrigida kienet iddivorzjat fl-1971 wara żwieġ ta’ 22 sena ma’ tabib Jugoslav, Milko Skofic, li minnu kellha lil binha.

Fl-2006, fl-eta’ ta’ 79 sena, żżewġet intraprenditur tal-proprjeta’ Spanjol, Javier Rigau y Rafols, li kien 34 sena iżgħar minnha u li kienet ilha taf għal 22 sena. Dan iż-żwieġ iżda, kien annullat ftit wara mill-Qorti tal-Vatikan.

F’dawn l-aħħar snin, hija żammet il-bogħod mill-għajn tal-pubbliku, minħabba żieda fil-fraġilita’ fiżika u mentali tagħha.

Lollobrigida dehret l-aħħar fil-pubbliku fil-21 ta’ Novembru li għadda, meta waqt programm fuq stazzjon televiżiv Taljan, hi infaqgħet tibki, hekk kif kienet qed titkellem fuq battalja twila fuq il-proprjeta’ tagħha li ħolqotilha inkwiet kbira ma’ binha u n-neputi, wara li niżżlet lill-eks butler tagħha fit-testment.

Bid-dehera sabiħa u seduċenti tagħha kienet tissimbolizza dik is-sbuħija tipikament Taljana. F’intervista li saritilha fl-2000, Gina Lollobrigida kienet stqarret: “Kelli ħafna maħbubin u għad għandi ħafna rumanzi u stejjer ta’ mħabba. Ħajti kollha, kelli wisq ammiraturi.”