Wieħed mill-kapijiet ta’ Cosa Nostra ġie arrestat mill-Pulizija fi Sqallija wara li inqabad minn cameras tas-sigurtà. Matteo Messina Denaro kien ilu xejn anqas minn 30 sena imfittex mill-Pulizija. Hu kien meqjus bħala wieħed mill-aktar mafjużi perikolużi.
Denaro, li kien minn Trapani, inqabad fi klinika privata f’Palermo fejn kien ilu 12-il xahar jieħu kimoterapija. Miegħu arrestat ukoll Giovanni Luppino li kien ix-xufier illi akkumpanjah fil-klinika.
Bħalissa, Denaro qed jinżamm f’lokalità sigrieta wara li ittieħed minn Palermo b’ajruplan li telaq minn Boccadifalco.

Dan il-boss mafjuż – li kien juża l-isem falz ta’ Andrea Bonafede – kien ilu maħrub mis-Sajf tal-1993 meta dak iż-żmien kiteb lill-għarusa tiegħu u qalilha li dwaru kienet se tisma’ ħafna affarijiet koroh. “Kull mhu se tisma’ huwa gideb”, kien qalilha Denaro.
Isem Denaro kien baqa’ abbinat mal-istraġi li ħalliet il-mafja f’dik l-epoka fil-bidu tas-snin Disgħin f’Ruma, Milan u Firenze. Hu kien ukoll kundannat għomru l-ħabs wara li nstab ħati tal-involviment tiegħu fl-assassinji ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino.
Il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni qalet li dan l-arrest huwa “rebħa kbira għall-Istat”.
Dan l-arrest ifisser ukoll it-tmiem tal-epoka sewda ta’ Totò Riina u sħabu.
//= $special ?>